Internazzjonali

Iħeġġeġ biex ir-rivali tal-Libja jiddeċiedu dwar il-pjan għall-paċi

Ir-Rappreżentant tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja, Bernardino Leon, informa lid-delegati tal-entitajiet rivali Libjani li minn issa ’l quddiem, m’għandhomx isiru aktar negozjati dwar il-pjan għall-paċi fil-Libja.

Leon insista biex il-gruppi Libjani jesprimu ċar x’inhi l-pożizzjoni tagħhom rigward il-pjan għal pajjiżhom li ressqet in-Nazzjonijiet Uniti, filwaqt li jgħidu bla tlaqliq jekk iridux jaċċettaw il-pjan.

L-aħħar taħditiet dwar il-Libja li saru fir-resort Marokkin ta’ Skhirat issa xoljew għall-vaganza Musulmana ta’ Eid al-Adha, li tibda għada u tkompli sa nhar il-Ħadd.

Fl-istess ħin, Bernardino Leon insista mad-delegati tal-Parlamenti rivali tal-Libja li hu qed jistenna tweġiba sempliċi ta’ ‘iva’ jew ‘le’ mingħandhom (rigward il-pjan għal pajjiżhom) ladarba huma jirritornaw madwar il-mejda tan-negozjati.

Il-Libja ilha b’żewġ parlamenti u gvernijiet rivali minn Awwissu tas-sena l-oħra, wara li l-militanti kienu ħatfu l-kontroll ta’ Tripli u waqqfu l-amministrazzjoni li riedu huma. B’konsegwenza ta’ dan, il-Gvern Libjan li jgawdi għarfien internazzjonali kien kostrett jittrasferixxi lejn Tobruk, fil-Lvant tal-Libja.

Bernardino Leon ilu x-xhur jipprova jippreżenta kompromess għall-amministrazzjonijiet rivali tal-Libja li jippermetti Gvern Libjan ibbażat fuq l-għaqda. Dan it-tip ta’ Gvern ikun kapaċi jikkonfronta l-gruppi tal-militanti, fosthom l-ISIS, fil-pajjiż; flimkien mat-traffikanti li qed imexxu l-vjaġġi bl-immigranti lejn l-Ewropa.

Madankollu, numru ta’ proposti konsekuttivi ma ntlaqgħux minn naħa Libjana jew oħra u Leon insista li dan hu l-aħħar pjan, u li n-NU m’għandhiex tfassal l-abbozz mill-ġdid.