Hekk kif dalgħodu tlaqqa’ l-Parlament taż-Żgħażagħ, iż-żgħażagħ Maltin ressqu numru ta’ Riżoluzzjonijiet fuq diversi punti differenti u problemi komuni għal pajjiżna. B’kollox, iż-żagħżagħ ressqu ħames Riżoluzzjonijiet dwar l-ugwaljanza, l-apatija għall-ħajja, mezzi alternattivi ta’ trasport, l-immigrazzjoni u d-dritt għall-ħajja.
F’kull Riżoluzzjoni, iż-żgħażagħ ħarsu lejn il-problemi jew diffikultajiet fis-setturi rispettivi, filwaqt li offrew numru ta’ proposti u emendi, fosthom dwar l-immigrazzjoni, li issa saret problema internazzjonali li taffettwa kull pajjiż.
Fir-rigward ta’ Malta, iż-żgħażagħ ipproponew li għandha ssir aktar ħidma għall-integrazzjoni tal-immigranti fis-soċjetà Maltija billi fost l-oħrajn isiru aktar attivitajiet multi-kulturali, li r-refuġjati jitgħallmu l-Malti, jingħataw aktar opportunitajiet biex jistudjaw u li familji jiġu rilokati f’daqqa minflok ma jinfirdu minn xulxin.
Matul is-seduta, spikkat id-deċiżjoni, permezz ta’ votazzjoni, li l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni ma jinbidilx. Dan għaliex għaż-żgħażagħ preżenti, jekk jinbidel għal Liġi li tipproduċi l-embrijuni daqs li kieku fabbrika, dan imur għal kollox kontra d-dinjità tal-embrijun uman u għalhekk kontra d-drittijiet tal-bniedem.
Il-proposti finali, kif approvati mill-Parlament taż-Żgħażagħ, issa jgħaddu għand il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni għall-kunsiderazzjoni tagħhom, bit-tama li dawn jiġu implimentati jew jiddaħħlu fil-Manifesti Elettorali rispettivi.
//= $special ?>