Internazzjonali

L-Amerikani ħerqana għall-messaġġi tal-Papa

Il-Papa Franġisku qed jikkonkluda ż-żjara storika f’Kuba u issa se jivvjaġġa lejn l-Istati Uniti għal mawra ta’ tlett ijiem. Hemmhekk, il-Papa Franġisku jsir l-ewwel Kap tal-Knisja li indirizza sessjoni konġunta tal-Kungress Amerikan waqt li se jkellem ukoll lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

Iż-żjara tal-Papa f’Kuba u l-Istati Uniti hi sinifikanti fi żmien meta tjiebu r-relazzjonijiet ta’ Havana ma’ Washington – iż-żewġ avversarji kbar mill-era tal-Gwerra Bierda u li issa qed javviċinaw lil xulxin fost id-djalogu u n-negozjati. L-istess Papa kien ukoll strumentali biex l-avviċinament bejn l-Istati Uniti u Kuba jsir possibbli.

Fl-aħħar sigħat tiegħu f’Kuba, il-Papa ċċelebra quddiesa fil-Bażilika tal-Madonna tal-Karità ta’ El Cobre, fil-limiti ta’ Santiago. Dan hu l-aktar santwarju venerat fost il-Kubani, anki dawk li jipprattikaw ir-reliġjonijiet Afro-Kubani li jinkludu elementi ta’ Kattoliċiżmu.

Il-Papa, f’din l-okkażjoni, talab għal rikonċiljazzjoni fost il-Kubani fil-pajjiż u lil hinn minnu meta hu kkalkulat li madwar żewġ miljun Kuban telqu mill-gżira wara r-rivoluzzjoni storika tal-1959.

Sadanittant, hemm stennija kbira għal dak li għandu jgħid il-Papa fl-Istati Uniti – b’mod partikolari l-messaġġ li hu għandu jwassal lill-Kungress, nhar il-Ħamis.

Il-Papa żamm lura mill-istqarrijiet politiċi f’Kuba, iżda l-omeliji tiegħu f’dan il-pajjiż servew biex iwasslu messaġġi fuq tema spiritwali li, fl-istess ħin, jesiġu l-ħtieġa għall-bidliet fl-istat Komunista.

Il-Papa Franġisku tenna l-ħtieġa li l-Kubani juru tolleranza fil-konfront ta’ ħaddieħor u, waqt quddiesa li ċċelebra aktar qabel fil-belt ta’ Holguin għal għexieren ta’ eluf ta’ nies, hu ħeġġeġ lis-semmiegħa tiegħu biex ma jikkuntentawx bis-sempliċi dehriet u b’dak li hu korrett biss minn lat politiku. Fl-omelija, il-Papa faħħar ukoll l-isforzi u s-sagrifiċċji kbar li għamlet il-Knisja Kattolika f’Kuba.