Lokali

Laqgħa bejn l-Arċisqof u l-MUT dwar l-impjiegi fl-iskejjel tal-Knisja

Il-Union tal-Għalliema (MUT) esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-laqgħa mal-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles Scicluna li kienet deskritta bħala waħda pożittiva. L-MUT qalet dan fi stqarrija li fiha qalet li hi sodisfatta bil-volonta’ tal-Arċisqof li jkunu solvuti l-problemi relatati mal-impjieg ta’ għalliema ġodda fl-iskejjel tal-Knisja.

Il-ġimgħa li għaddiet l-MUT sejħet għal laqgħa mal-Arċisqof rigward abbużi fil-proċess ta’ ingaġġ ta’ għalliema f’ċertu skejjel tal-Knisja. Fost eżempji li semmiet il-union kien hemm għalliema nisa li qalulhom sfaċċatament waqt l-intervista li l-iskola trid għalliema irġiel. Oħrajn jispiċċaw mingħajr l-impjieg waqt il-probation mingħajr ebda raġuni ħlief li l-post kien merfugħ għal ħaddieħor. Każi oħra jinkludu għalliema li jmorru għall-intervista u ma jirċievu ebda riżultat biex wara jsiru jafu li l-post imtela’ jew ħarġet sejħa oħra.
Għalliema lmentaw ukoll li f’xi każi kienu qed jiġu mpjegati bħala supply teachers meta l-post tbattal b’mod permanenti u għalliema oħrajn jgħidu li kellhom l-impjieg mitmum biex posthom ittieħed minn qassisin jew reliġjużi li kienu inqas kwalifikati.

Waqt il-laqgħa l-MUT assigurat lill-Arċisqof li għandu l-kollaborazzjoni sħiħa tagħha sabiex ċertu abbużi ikunu investigati u jinqatgħu. Iż-żewġ naħat mistennija jerġgħu jiltaqgħu fil-futur qarib.