Internazzjonali

Ministri tal-UE japprovaw il-pjan għar-rilokazzjoni tal-immigranti

Il-Ministri għall-Affarijiet Interni tal-UE, illum, fi Brussell, approvaw ftehim għar-rilokazzjoni ta’ 120,000 immigrant li qed ifittxu l-kenn politiku u li waslu fl-Ewropa f’dawn l-aħħar ġranet.

Filwaqt li l-Ungerija, is-Slovakkja, ir-Rumanija u r-Repubblika Ċeka vvutaw kontra l-kwoti obbligatorji, il-vot favur il-pjan għar-rilokazzjoni tal-immigranti kien anki wieħed qawwi u sinifikanti.

Il-pjan jesiġi biex l-immigranti jkunu trasferiti mill-Italja, il-Greċja u l-Ungerija lejn pajjiżi oħra fl-UE. Dan meta l-maġġoranza assoluta tal-Istati tal-UE (bil-Fillandja tastjeni) appoġġjaw il-pjan li jidħol fis-seħħ fis-sentejn li ġejjin.

Numru ta’ Stati Ewropej taċ-ċentru kienu ilhom jirreżistu s-sejħiet ta’ pajjiżi Ewropej oħra biex jaċċettaw il-kwoti obbligatorji tal-immigranti, li huma fost il-kwart ta’ miljun refuġjat li waslu fl-Ewropa bejn Lulju u Awwissu. Sadanittant, in-Nazzjonijiet Uniti qalet li, irrispettivament minn kollox, ‘il-pjani tal-UE qatt m’huma se jkunu biżżejjed’.

Il-wasla ta’ mijiet ta’ eluf tal-immigranti ħolqot diżgwid profond fost il-pajjiżi tal-UE iżda l-Ministri fi Brussell kienu qed jittamaw fi ftehim li, illum, ikun ratifikat mill-Mexxejja tal-Unjoni li se jiltaqgħu b’urġenza, bl-iskop li jitrattaw din il-kriżi umana.

L-iskema għar-rilokazzjoni għandha tagħti priorità lill-immigranti rikonoxxuti bħala nies li jeħtieġu protezzjoni fuq livell internazzjonali u dawn jinkludu refuġjati li ġejjin mis-Sirja, l-Eritrea u l-Iraq.

Skont l-aħħar rapporti, id-diplomati qalu li l-kwoti obbligatorji, issa, ‘twaqqgħu’ u l-pajjiżi tal-UE qed jitrattaw skema ta’ rilokazzjoni volontarja. Madankollu, l-Aġenzija tar-Refuġjati tan-NU wissiet li l-iskema tar-rilokazzjoni m’għandhiex tkun biżżejjed meta wieħed iqis l-ammonti kbar tar-refuġjati li qed jaslu, kontinwament, fl-Ewropa.

Min-naħa tagħha, l-Ungerija tat il-poteri addizzjoni lill-Armata biex tikkontrolla l-mewġa tar-refuġjati, waqt li l-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orban, wissa dwar kriżi li qed thedded ‘lill-Ewropa kollha’.

Fl-aħħar sigħat inqalgħu anki l-inċidenti fil-Kroazja bejn il-pulizija u r-refuġjati li qed jippruvaw jingħataw kenn politiku. Dan wara li r-refuġjati fil-villaġġ ta’ Opatovac ma tħallewx jidħlu f’ċentru li kellu jirreġistra lill-immigranti, bl-inkwiet jiżbroffa ladarba waslu fl-inħawi numru akbar ta’ immigranti milli setgħu jlaħħqu magħhom l-awtoritajiet.

Sadanittant, l-Awstrija kienet qed tistenna mijiet oħra ta’ immigranti li kellhom jaslu fl-aċċess ewlieni mal-fruntiera komuni mal-Ungerija.