Il-Prim Ministru Grieg, Alexis Tsipras, se jibbaża fuq ‘il-kontinwità’ fit-taħditiet mal-kredituri internazzjonali li huma konnessi mal-bailout tal-Greċja.
L-indikazzjonijiet huma – qabel kellu jieħu l-ġurament il-Kabinett ġdid ta’ Tsipras – li Euclid Tsakalotos se jerġa’ jieħu l-kariga ta’ Ministru tal-Finanzi fil-Gvern ġdid. Dan wara li Tsakalotos għen imexxi t-taħditiet dwar il-bailout mal-kredituri li, f’Awwissu, ipproduċew ftehim biex il-Greċja tissellef 86 biljun ewro li jżommuha milli tfalli.
Mistenni wkoll li George Chouliarakis, li serva bħala Ministru tal-Finanzi għal żmien proviżorju waqt l-aħħar kampanja elettorali u li hu membru rispettat tat-tim li nnegozja l-bailout, jinħatar bħala l-viċi-ministru ta’ Tsakalotos. Sadanittant, il-Gvern ġdid tal-Greċja qed jittama li s-swieq internazzjonali jħarsu lejn dawn il-ħatriet b’mod pożittiv.
Fl-istess ħin, l-amministrazzjoni ta’ Tsipras trid taċċerta li ‘tikkontrolla’ l-bailout li ngħata lill-Greċja bi skambju mar-riformi ekonomiċi li jeħtieġu jkunu implimentati. Il-Greċja, anki trid tieħu ħsieb il-problema kbira tar-refuġjati li qed tiffaċċja fil-preżent.
Tsipras ingħata l-mandat formali biex jifforma Gvern ġdid għat-tieni darba din is-sena. Dan wara li s-Syriza rebaħ l-elezzjoni ġenerali tal-Ħadd b’marġni kbira, anki jekk ma rnexxilux jikseb il-maġġoranza.
Ir-rebħa ta’ Syriza titqies bħala suċċess personali għal Tsipras li serva bħala Prim Ministru Grieg bejn Jannar u Awwissu u f’liema perjodu il-futur tal-Greċja bħala membru taz-zona ewro kien spiċċa mhedded bil-kbir.
Ir-riżultat elettorali jfisser li Tsipras għadu jiddomina l-politika Griega minkejja l-u-turn preċedenti fejn kien ħadha kontra l-politika li tirreżisti l-awsterità. Il-Gvern ġdid tal-Greċja se jkollha biss maġġoranza ta’ ħames siġġijiet iżda Tsipras għamilha ċara li dan il-Gvern beħsiebu jkomplu fil-poter tul il-mandat li hu effettiv għal erba’ snin.
//= $special ?>