Lokali

Ultimatum mill-GWU – twissi lill-Malta Public Transport b’azzjonijiet fi żmien 48 siegħa

Il-General Workers’ Union wissiet lill-Malta Public Transport li jew taċċetta l-kundizzjonijiet imposti minnha u tagħti l-kundizzjonijiet mitluba mill-ħaddiema fi żmien 48 seigħa inkella taffaċċja “dawk l-azzjonijiet meħtieġa.”

Il-GWU qed titlob li l-kumpanija  taċċetta t-talbiet tagħha għaż-żieda fis-salarju għall-ħaddiema kollha tal-MPT, li tagħti 30 minuta brejk għal kull sitt sigħat xogħol, li tiggarantixxi għas-sewwieqa kollha ġurnata ta’ mistrieħ fissa, li tintroduċi xiftijiet ta’ xogħol ta’ ġimgħa filgħodu u ġimgħa filgħaxija għax-xufiera kollha u li x-xufiera kollha jkollhom darba kull seba’ ġimgħat Sibt u Ħadd mhux xogħol.

Skont il-GWU, dan l-ultimatum ingħata għaliex  “minkejja d-diskussjonijiet kollha li saru f’dawn l-aħħar jiem, il-management tal-MPT għadu qed jinsisti fuq s-sigħat ta’ xogħol ġodda li ppropona fil-jiem li għaddew u li fost affarijiet oħra mhumiex jiggarantixxu brejk minimu ta’ 30 minuta għal kull sitt sigħat ta’ xogħol.”

F’din l-aħħar stqarrija, maħruġa mit-Taqsima Marittima u Avjazzjoni tal-General Workers’ union, jingħad li l-union “tistenna li wara ġimgħat ta’ diskussjonijiet il-kumpanija taċċetta dawn it-talbiet li jippermettu lix-xufiera tagħha jgħixu b’mod ġust.”

Iktar kmieni dan ix-xahar, meta kienet diġa’ qamet din il-kwistjoni, il-kumpanija tat-trasport pubbliku Autobuses de Leon kienet giddbet lill-GWU u qalet li dwar dawn il-kundizzjonijiet kien diġa’ ntlaħaq qbil, saħansitra bil-miktub, mal-istess GWU.