Futbol Sport

Carneiro tħalli lil Chelsea u Costa sospiż

It-tabiba ta’ Chelsea Eva Carneiro ħalliet lill-klabb, sitt ġimgħat wara li kienet kritikata bl-aħrax mill-manager tal-Blus Jose Mourinho. Fit-8 ta’ Awwissu li għadda Chelsea kienu ġew miżmuma draw 2-2 f’darhom kontra Swansea u waqt li kienu qed jilagħbu b’10 plejers minħabba li tkeċċielhom plejer, il-playmaker Hazard deher li kien imweġġa’ u Carneiro flimkien mal-istaff tagħha ħarġet iddewwi lill-plejer Belġjan li eventwalment inħareġ mill-grawnd.

Hekk kif seħħ dan Mourinho sploda f’rabja kbira u allegatament anke offenda lil Carneiro għax skot hu Hazard ma kellux injury serja u baqà mal-art minħabba li kien għajjien lejn tmiem il-partita. Hu kien ferm frustrat bil-fatt li l-istaff mediku ħalla lit-tim jilgħab b’disa plejer f’mument fejn Swansea setgħu skurjaw it-tielet gowl u wara l-partita l-manager Portugiż kritika bl-aħrax lit-tabiba li kienet ġiet anke mċaħħda milli tkun fuq il-bank tas-sostituti waqt il-partiti li segwew.

Tard it-Tlieta filgħaxija Chelsea tallbuha biex tirritorna għax-xogħol iżda hi minn naħa tagħha naqqset milli tagħmel dan u infurmat lill-klabb li mhux se tagħmel dan.

Intant, l-attakkant Digo Costa ġie sospiż tliet partiti mill-FA wara li kien akkużat b’kondotta vjolenti fir-rebħa ta’ 2-0 fuq Arsenal is-Sibt li għadda. Costa għamel idejh ma’ wiċċ id-difensur Laurent Koscielny qabel kellu argument ma’ Gabriel li spiċċa mkeċċi. Filwaqt li Costa ġie sospiż, il-karta ħamra ta’ Gabriel ġiet maħfura.

Minħabba din is-sospensjoni l-attakkant Spanjol tilef il-partita tal-League Cup talbieraħ kontra Walsall u se jitlef il-partiti tal-Premiership kontra Newcastle u Southampton.