Lokali Unjoni Ewropea

Casa jistaqsi fejn qed imorru l-flus iffrankati mill-elettriku

Il-kap tad-delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew, David Casa, staqsa fejn qed imorru t-€300 miljun li l-Gvern Malti qed jiffranka mill-ġenerazzjoni tal-elettriku u staqsa għaliex dan mhux qed jingħadda lill-konsumatur.

David Casa qal li l-Gvern Malti qed jiffranka €200 miljun fis-sena mill-ġenerazzjoni tal-elettriku u €100 miljun oħra minħabba l-prezz orħos taż-żejt. Waqt li sfida lill-Ministru responsabbli mill-Enerġija biex jippubblika l-prezzijiet u l-kuntratti dwar l-enerġija, David Casa saħaq li l-konsumatur għandu jgawdi finanzjarjament mill-flus li qed jiffranka l-Gvern.

Fl-istess ħin, Casa appella lill-Gvern biex ikompli jimxi fuq il-pjan tal-enerġija tal-Gvern preċedenti, u b’hekk ikompli jinvesti fil-grid ta’ distribuzzjoni nazzjonali. Saħaq li jekk ma jiġrix hekk, partijiet minn Malta jibqgħu jbatu minn qtugħ regolari ta’ dawl.

David Casa fakkar ukoll lill-Gvern li ma żammx mal-wegħda tiegħu li jkun trasparenti.