Lokali

Filmat: KORRUZZJONI ISTITUZJONALIZZATA: konferma li l-investigazzjoni bdiet issa

Il-Pulizija dalgħodu ġabret diversi persuni u bdiet serje ta’ interrogazzjonijiet dwar ħruġ ta’ permessi ta’ residenza. Dan kien konfermat fi stqarrija uffiċjali maħruġa mill-Gvern, fejn intqal li anke Identity Malta qed tiġi investigata.

Bl-istqarrija li ħareġ il-Gvern, u r-raid li sar f’Identity Malta, issa għandna konferma mill-Prim Ministru stess, li hawn korruzzjoni istituzzjonalizzata – każ jinten f’istituzzjoni sensittiva bħalma hi Identity Malta, sostna l-PN f’reazzjoni għal din l-aħbar.

L-iskandlu tal-permessi tar-residenza li allegatament ġew maħruġa b’mod abbużiv inkixef meta tressaq ‘il Qorti l-eks Teżorier tal-Partit Labursita Joe Sammut.

Mill-istqarrija tal-Gvern joħroġ ċar li dawn il-persuni ġew arrestati issa, minkejja ġimgħat sħaħ ta’ allegazzjonijiet. Il-Gvern qal illi saret ukoll investigazzjoni mis-Servizzi ta’ Sigurtà, u dan wassal biex ġew identifikati rackets u abbużi li ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar snin.

“Jirriżulta li dan ir-racket, f’forom differenti, ilu jseħħ diversi snin u allura l-investigazzjonijiet qed imorru oltre każijiet li nqabdu permezz ta’ sistemi interni tal-aġenziji involuti”, sostna l-Gvern fl-istqarrija tiegħu.

fl-ebda ħin fl-istqarrija tal-Gvern ma jissemma Joe Sammut. Anzi, il-Gvern jipprova jagħti x’jifhem li dawk li qed isejjaħ rackets ilhom għaddejin madwar ħames snin.

Il-PN minn naħa tiegħu saħaq illi l-aħbar li dalgħodu l-Pulizija ġabret persuni b’konnessjoni mal-iskandlu tal-permessi ta’ residenza tkompli turi kemm hija urġenti s-sejħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li titwaqqaf inkjesta indipendenti dwar dan l-iskandlu. Is-sejħa għal inkjesta indipendenti diġa sabet l-appoġġ ukoll tal-media indipendenti. L-aħbar ta’ llum tkompli tagħti raġun lill-Kap tal-Oppożizzjoni. Iżda s’issa l-Prim Ministru għadu qed jirreżisti din is-sejħa għal inkjesta, bla ebda raġuni.

Issa jeħtieġ ukoll li Joseph Muscat jibda jieħu passi kontra l-korruzzjoni li ħakmet il-Gvern tiegħu, sostna l-PN.