Lokali

Filmat: Problemi kontinwi fit-trasport pubbliku qed itappnu l-ħidma biex inżidu t-turiżmu

Ix-xogħol kollu li jsir minn numru ta’ entitajiet biex it-turisti jiġu offruti l-aqwa esperjenza possibbli f’pajjiżna qed jittappan mill-problemi kontinwi li t-turisti stess qed jaffaċċjaw bis-sistema tat-trasport pubbliku.

Tal-Linja Wieqfa Bugibba 220915Xhieda ta’ dan hu dan ir-ritratt, li wasal għand MaltaRightNow.com, u li juri grupp ta’ passiġġieri tal-linja, fil-maġġoranza tagħhom turisti, li spiċċaw f’bypass f’Buġibba wara li tal-linja waqfet.

Wieħed mill-passiġġieri li kien fuq tal-linja għamel kuntatt ma’ MaltaRightNow.com, fejn spjega li t-turisti niżlu f’din it-triq traffikuża għax l-għażla l-oħra li kellhom kienet li jibqgħu fuq ġewwa u jinqlew fis-sħana li jipproduċi l-ħġieġ tal-vettura.

Sadanittant, anke t-turisti li jmorru lejn Marsaxlokk qed jispiċċaw fix-xemx waqt li jkunu qed jistennew tal-linja, li kawża tas-suq suppost tgħaddi mill-Qajjenza iżda minħabba xogħol fit-toroq bidlet ir-rotta bla avviżi mal-bus stops (segwi l-kumment fil-Filmat).

Iżda s-sitwazzjoni qed taffettwa ħażin anke lill-Maltin, b’mod speċjali lill-istudenti, li fil-jiem li ġejjin mistennija jibdew sena skolastika ġdida. Ħafna minn dawn għadhom mingħajr it-tallinja card li applikaw għaliha.

Uħud minn dawn iż-żgħażagħ ikkummentaw fuq Facebook, fejn spjegaw li ma jaffordjawx iħallsu spiża kuljum sempliċiment għax il-card li applikaw għaliha ma waslitx, bl-ilmenti u telefonati tagħhom ġew injorati.