Internazzjonali

FILMAT: Summit imqanqal għall-Unjoni Ewropea

epa04944811 European Commission President Jean-Claude Juncker (L) and President of the European Parliament, Martin Schulz (R) arrive for a press conference ahead to an extraordinary EU Summit on the current migration and refugees crisis in Europe, in Brussels, Belgium, 22 September 2015. EU leaders meet for an extraordinary summit on migration, with also international aid for third countries and the border protection on their agenda. EPA/OLIVIER HOSLET

Hu summit imqanqal dak li ssejjaħ b’urġenża l-erbgħa għall-mexxejja tal-Unjoni Ewropea biex jippruvaw isibu tarf il-kriżi tal-immigrazzjoni.

Summit li sar l-għada ta’ laqgħa tal-Ministri tal-Intern tal-UE li saret it-Tlieta u li fiha kien deċiż li 120,000 refuġjat jitqassmu bejn it-28 pajjiż membru tal-UE. Permezz ta’ dan il-ftehim, Malta se tieħu 189 refuġjat fuq medda ta’ sentejn. Dan biex jittaffa l-piż minn fuq l-Italja u l-Greċja.

Fil-laqgħa, iżda, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija u s-Slovakkja vvutaw kontra filwaqt li l-Finlandja astjeniet fil-vot li ttieħed. Dan minkejja li l-ftehim hu wieħed li jorbot u dawn il-pajjiżi wkoll iridu josservawh.
Qabel il-bidu tas-summit, Robert Fico, il-Prim Ministru tas-Slovakkja, qal li pajjiżu kien se jipprova jimblokka din id-deċiżjoni fil-qrati filwaqt li Bohuslav Sobotka, il-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka, qal li l-ftehim tat-Tlieta kien deċiżjoni ħażina.

Viktor Orban, il-Prim Ministru Ungeriż, li hu kontra ħafna li jkun hemm kwoti għall-immigranti, ma kienx mistenni jattendi s-summit tal-bieraħ. Iżda qabel, hu qal li ried li l-piż jinġarr mid-dinja kollha u mhux mill-UE biss. Din il-proposta kellu jressaqha waqt is-summit tal-bieraħ. Hu tenna wkoll li l-Greċja trid tingħata għajnuna biex tipproteġi l-fruntieri tagħha biex l-immigranti ma jkomplux jidħlu.

Sadattant, is-Serbja ħarġet ultimatum lill-Kroazja biex terġa’ tiftaħ il-fruntiera għall-ġarr tal-merkanzija sa nofsillejl tal-bieraħ inkella, qalet, kien se jkun hemm il-konsegwenzi.

Il-Kroazja għalqet il-qsim tal-fruntiera kollu ħlief wieħed wara li f’ġimgħa daħlu fil-pajjiż 44,000 immigrant. Dan b’rabja għad-deċiżjoni tas-Serbja li tibda ġġorr l-immigranti lejn il-fruntiera Kroata minflok tibgħathom lejn il-fruntiera Ungeriża fejn issa nbena speċi ta’ ħajt biex iwaqqaf l-immigranti.

Il-pass Kroat li tingħalaq il-fruntiera ta daqqa ta’ ħarta kbira lill-ekonomija Serba peress li ħafna merkanzija diretta lejn is-Serbja tinġarr fuq l-art tul it-toroq Kroati mill-Unjoni Ewropea.

Fi żvilupp ieħor, il-Kummissjoni – qabel is-summit – ħarġet twissijiet formali lil 19-il stat membru, fosthom Malta, dwar ksur tar-regolamenti dwar l-ażil.

Il-Kummissjoni Ewropea qalet li elementi tal-politika tal-ażil mhux qed jiġu implimentati fosthom liġijiet biex jitħaffef il-pass li bih ikun deċiż jingħatax il-kenn umanitarju, liġijiet dwar it-trattament uman ta’ dawk li qed ifittxu kenn u r-regoli għall-għoti ta’ kenn għandhom ikunu aktar ċari.

Timmermans qal li s-sistema għall-għoti tal-kenn fl-Unjoni Ewropea setgħet taħdem jekk kulħadd isegwi r-regoli.