Futbol Sport

Hibs jibdew l-istaġun b’suċċess

HIBS…………………………2
B’KARA……………………0

Hibernians bdew l-istaġun bil-kbir meta tard it-Tlieta filgħaxija rebħu s-Super Cup kontra Birkirkara bl-iskor ta’ 2-0. Din kienet l-ewwel partita tal-istaġun 2015-2016 u hu mistenni li dawn iż-żewġ timijiet jerġgħu jkunu fost il-protagonisti.

L-ewwel azzjoni tal-partita ħolquha Hibs fit-18-il minuta meta Dorianne Theuma għaddiet tajjeb lejn Ylenia Carabott li b’xutt mill-ewwel tefgħet ftit barra.

Il-Pawlisti marru fil-vantaġġ 10 minuti wara meta r-referee Esther Azzopardi saffret penalty favurihom wara li Kim Parnis waqqgħet lil Martina Borg fil-kaxxa. Mill-11il metru Ylenia CARABOTT għelbet lil Janice Xuereb għal 1-0.
Wara dan il-gowl Xuereb ċaħħdet darbtejn lil Hibs milli jirduppjaw permezz ta’ Martina Borg u l-istess Carabott.

Fit-tieni taqsima Hibs komplew jattakkaw u kien hemm xutt mill-ewwel ta’ Dorianne Theuma li ġie milqugħ f’żewġ tentattivi minn Janice Xuereb.

Sitt minuti qabel tmiem il-partita freekick ta’ Dorianne Theuma spiċċa ftit għoli filwaqt li fis-87 minuta freekick ieħor, din id-darba ta’ Stefania Farrugia ta’ Birkirkara kien salvat minn Keoney Demicoli.

Hibs issiġillaw ir-rebħa fid-90 minuta meta Rodianne Borg approfittat minn inċertezza fid-difiża avversarja, daħlet fil-kaxxa u rat ix-xutt tagħha jkun parzjalment salva minn Xuereb imma Martina BORG skurjat mir-rebound għal skor finali ta’ 2-0 favur Hibs.