Ekonomija Lokali

Il-GWU kontra l-proposta għar-roħs fit-tariffi tal-enerġija

Minn kummenti tas-Segretajru Ġenerali tal-GWU Tony Zarb, jirriżulta li l-GWU mhijiex tappoġġja l-proposti tal-unions u l-korpi kostitwiti biex il-Gvern iraħħas il-kontijiet tal-enerġija ħalli dawn jirriflettu l-prezz internazzjonali taż-żejt, li issa raħas drastikament.

MaltaRightNow.com tkellem mas-Segretarju Ġenerali tal-GWU qabel laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), fejn Zarb insista li l-proposta tal-unions għal traħħis mhijiex il-proposta tal-GWU. Qal li fil-passat, il-Union kienet tipprotesta weħidha biex jorħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, kif ukoll li dawn roħsu bis-saħħa tal-GWU.

Matul il-laqgħa tal-MCESD, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li l-Gvern irċieva madwar 450 proposta mill-unions u l-korpi kostitwiti. Sostna li l-Gvern m’għandux ħsieb juża’ d-dħul mill-bejgħ tal-Passaporti biex jibbilanċja l-baġit għax jemmen li l-Baġit għandu jkun wieħed sostenibbli. Se jkunu 30% biss tad-dħul minn din l-iskema li se jkunu investiti fil-Baġit, qal il-Ministru tal-Finanzi.