Illum, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jinsab fi Brussell fejn qed jattendi, flimkien ma’ mexxejja oħra Ewropej, għas-Summit tal-Partit Popolari Ewropew. Dan is-Summit qed isir bi tħejjija għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li se ssir aktar tard illum.
Is-suġġett fuq l-aġenda huwa l-immigrazzjoni, fid-dawl tal-kriżi dejjem tikber li qed tiffaċċja l-Ewropa ta’ influss qawwi ta’ immigranti minn diversi pajjiżi.
F’kummenti qabel beda s-Summit, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal illi “jeħtieġ li l-Ewropa tieħu azzjoni llum qabel għada, deċiżjonijiet li messhom ilhom li ttieħdu. Jiena nawgura li kull mexxej jagħraf ir-responsabbilta’ tiegħu, għaliex huwa biss fl-għaqda li l-Ewropa tista’ tgħeleb dawn it-tip ta’ sfidi li ebda pajjiż ma jista’ jgħeleb waħdu.”
Fost il-mexxejja Ewropej li qed jattendu għall-istess Summit li għalih hemm preżenti Simon Busuttil, hemm il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, il-President tal-Partit Popolari Ewropew Joseph Daul, il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel kif ukoll il-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy.
//= $special ?>