Lokali

Il-Kunsill tas-Siġġiewi ser jappella mid-deċiżjoni li art fis-Siġġiewi titneħħa mill-lista ta’ proprjetà skedata

Tintalab laqgħa urġenti mas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon

F’laqgħa li ssejħet b’mod urġenti llum wara nofsinhar, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ddiskuta l-każ li ġie żvelat dalgħodu mill-ġurnal The Times of Malta dwar deċiżjoni tal-MEPA u tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon li jneħħu minn bħala Żona ta’ Importanza Ekoloġika, żona ta’ lqugħ (Buffer zone) ta’ Livell 3 u Żona ta’ Sbuħija Naturali, sit magħruf bħala Ta’ Dmejrek li jinsab fil-konfini tal-lokalità tas-Siġġiewi.

Permezz ta’ mozzjoni mressqa mis-Sindku Karol Aquilina, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ddeċieda li jistqarr ruħu kontra din id-deċiżjoni u li minnufih jieħu dawn l-azzjonijiet:

1. Jappella quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar mid-deċiżjoni li l-art titneħħa mill-lista ta’ proprjetà skedata;

2. Jitlob li t-Tribunal ma jkomplix jisma’ u jiddeċiedi l-appell dwar il-bini ta’ batching plant f’parti minn dan is-sit qabel ma jkun ġie deċiż l-appell li l-Kunsill ser ikun qiegħed jippreżenta; u

3. Jitlob laqgħa urġenti mas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon sabiex iwassal direttament lilu l-oġġezzjonijiet għad-deċiżjoni tiegħu u tal-MEPA.

Waqt il-laqgħa tal-Kunsill Lokali, is-Sindku Karol Aquilina spjega li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fl-ebda stadju ma’ ġie kkonsultat jew tal-inqas infurmat la mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u wisq anqas mis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon dwar l-imsemmija deċiżjoni. Huwa qal ukoll kif b’kumbinazzjoni seħħew dawn il-fatti:

1. 20 ta’ Awwissu 2015 – Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon jaċċetta d-deċiżjoni tal-MEPA li l-art titneħħa mil-lista ta’ proprjetà skedata;

2. Nhar il-Ġimgħa li għadda, 18 ta’ Settembru 2015 – Id-deċiżjoni tal-MEPA u tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon tiġi ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern;

3. Għada l-Ħamis 24 ta’ Settembru 2015 (6 ijiem biss wara li ġiet ippubblikata d-deċiżjoni) ser isiru l-aħħar sottomissjonijiet waqt is-smigħ tal-appell rigward dan is-sit li parti minnu tneħħa mill-lista ta’ proprjetà skedata.