In-nies fir-Renju Unit li jrabbu l-annimali bħala ‘pets’ ma jidhrux daqstant ħerqana li jadottaw il-qtates suwed. Dan meta wieħed mill-aktar ċentri famużi tal-‘animal rescue’ fil-pajjiż spiċċa mimli bl-annimali li qed jitwasslu hemmhekk ta’ spiss.
Kelliema għall-Battersea Dogs and Cats Home’s Brands Hatch centre qalu li, illum, mal-75 fil-mija tal-qtates residenti fil-kumpless għandhom il-pelt iswed.
Intant, mifhum li l-qtates suwed qed ibatu mis-superstizzjoni dwar ‘il-qtates ta’ dan il-kulur li jattiraw l-isfortuna’ – anki jekk uħud jemmnu, għall-kuntrarju, li l-qates suwed iġibu xorti tajba. Fl-istess ħin, m’humiex jonqsu l-appelli biex il-qtates partikolari jingħataw dar u ħajja ġdida — l-istess bħall-qtates ġinġrin u bebbuxin.
Michelle Bevan, ir-rehoming and welfare manager ta’ Battersea Brands Hatch, qalet li filwaqt li n-nies jistgħu jikkundizzjonaw ruħhom mis-superstizzjoni, il-qtates suwed huma ħelwin daqs qtates oħra ‘minbarra li għandhom personalità kbira li tagħti ħajja lil kwalunkwe dar li taċċettahom’.
//= $special ?>