Kumpanija tal-mediċini Amerikana li kienet kritikata bil-qawwi wara li żiedet il-prezz ta’ mediċina li tintuża fil-kura tal-AIDS b’5,000 fil-mija, qalet li kienet se traħħas il-prezz.
Martin Shkreli, id-direttur ta’ Turing Pharmaceuticals, kien fil-mira ta’ ħafna kritika fl-Istati Uniti u madwar id-dinja wara li ftit ġranet ilu ħabbar li l-mediċina Daraprim, li tintuża għall-infezzjonijiet u li tista’ ssalva l-ħajja ta’ xi ħadd marid bl-AIDS u wkoll trabi li għadhom ma tweldux, kienet se tiżdied fil-prezz minn $13.50 għal $750 kull pillola.
Dan kien se jseħħ ftit wara li xtara l-liċenzja biex jipproduċi l-mediċina.
Shkreli, iżda, insista li hu kien se juża ftit mill-qligħ biex jgħin fir-riċerka imma dan ma kkonvinċiex lil dawk li kienu qed jikkritikawh, li jinkludu lill-kandidat għall-elezzjoni presidenzjali Hillary Clinton. Dan minbarra tobba fosthom uħud mill-Infectious Diseases Society of America u l-HIV Medicine Association.
Issa Shkreli ħabbar li kien se jraħħas il-prezz tad-Daraprim biex il-qligħ ikun anqas milli kien ippjanat.
Jirtira żieda ta’ 5,000 % fil-prezz ta’ mediċina
