Malta tibqa’ tirriżulta li hi fost il-pajjiżi involuti – direttament jew indirettament – fis-serq u l-kuntrabandu taż-żejt mil-Libja, b’mod partikulari fin-negozju li qed isir miż-żejt misruq mill-medda fix-xatt u l-portijiet fin-naħa ta’ Tripli.
Minkejja t-twissijiet kontinwi mill-Gvern ta’ Tobruk – li hu l-Gvern rikonoxxut internazzjonalment kemm min-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll mill-Unjoni Ewropea – kif ukoll minkejja l-isforzi li qed jagħmel il-Gvern ta’ Tripli, dawk involuti fis-serq u n-negozju illegali taż-żjut mil-Libja qed jirnexxielhom isibu mezzi u metodi kif jissoktaw bl-operat tagħhom.
Bosta drabi dak li qed jiġri hu li inġenji tal-baħar mhux daqstant kbar qed jirnexxielhom jgħabbu provvisti taż-żejt li wara jissupplixxuhom lil tankers ferm akbar li jkunu lil hinn mill-kosta.
Operazzjonijiet fuq il-baħar ta’ dan it-tip qed ikunu possibbli kemm minħabba l-kobor tal-kosta Libjana u, aktar minhekk, għaliex grazzi għall-kunflitt bejn iż-żewġ Gvernijiet Libjani, ma hix tingħata attenzjoni biżżejjed lil dan is-serq u kuntrabandu ta’ żejt.
Jirriżulta li diversi pajjiżi ġirien jidher li direttament jew indirettament huma involuti f’dan in-negozju. Naturalment mhux il-gvernijiet u l-awtoritajiet ta’ dawn il-pajjiżi, iżda aġenti fl-istess istess pajjiżi ġirien li jiġġestixxu n-negozju tagħhom b’involviment ukoll f’dawn iċ-ċrieki ta’ kuntrabandu.
Sorsi li tkellmu ma’ MaltaRightNow u li huma involuti fis-suq taż-żjut f’Malta u f’Għawdex, enfasizzaw li f’pajjiżna regolarment ikun hawn min ikun qiegħed ibiegħ żjut li ma jkunux oriġinaw mill-Korporazzjoni Enemalta. Dan ġara kemm f’Malta kif ukoll – anzi spiss – f’Għawdex ukoll.
L-istess sorsi żiedu li l-awtoritajiet Maltin għandhom biċċa xogħol iebsa ħafna biex jikkontrollaw id-dħul ta’ żjut f’Malta għaliex dan isir b’diversi metodi u mhux probabbli permezz ta’ inġenji kbar ħafna tal-baħar.
Każ reċenti li spiċċa f’idejn l-awtoritajiet tal-Gvern ta’ Tripli seħħ ftit tal-jiem ilu meta l-Armata ta’ Tripli rnexxielha tarresta tanker li jtajjar bandiera Russa. Dan kien fil-port ta’ Zawara fejn kien involut f’ħidma ta’ serq ta’ żejt. Abbord dan it-tanker – Mekhanik Chebolaryov – kien hemm ekwipaġġ ta’ ħdax-il persuna, fosthom mara.
Minn stħarriġ li sar mill-istess awtoritajiet ta’ Tripli rriżulta li dan it-tanker irmiġġjat fi Tripli, dak il-ħin suppost li kien fl-ibħra Maltin javviċina l-kosta Maltija.
Nifhmu li l-awtoritajiet Libjani fi Tripli darba żammew lill-membri tal-ekwipaġġ tkellmu wkoll magħhom dwar is-suspett ta’ serq ta’ żjut mil-Libja u hekk allura setgħu jiksbu aktar informazzjoni dwar dak li qed jiġri f’dan ir-rigward.
Sadattant u interessanti ħafna kienet it-twissija mill-ġdid mill-Gvern ta’ Tobruk li proprju waqt konferenza li saret f’Malta fil-jiem li għaddew reġa’ wassal twiddiba mill-aktar serja għal dawk kollha li b’xi mod jew ieħor jinvolvu ruħhom f’negozju ta’ żjut jekk mhux b’mod legali u leċtu mal-Korporazzjoni Nazzjonali taż-Żejt Libjana (NOC) ġestita mill-Gvern ta’ Tobruk.
Azzaldain Aboughalia, iċ-Chairman tal-Korporazzjoni NOC, kellu kliem iebes ħafna mhux biss għal dawk li huma involuti fis-serq u l-kuntrabandu, imma anki għal dawk li fir-rigward tan-negozju taż-żejt m’humiex jitrattaw mal-Korporazzjoni Nazzjonali taż-Żejt Libjana u wissa’ li l-Gvern leġittimu ta’ Tobruk lest jieħu passi drastiċi ħafna fir-rigward ta’ dawk il-kumpaniji taż-żejt li qed jinnegozjaw mal-awtoritajiet ta’ Tripli.
Fid-diskors tiegħu Azzaldain Aboughalia enfasizza li kull negozju dwar iż-żejt mal-Libja għandu jsir biss mal-Korporazzjoni Nazzjonali taż-Żejt Libjana. Kemm-il darba dan ma jsirx, allura l-Gvern ta’ Tobruk lest li jipproċedi b’mod arbitrarju kontra min jikser l-interessi tal-pajjiż.
Interessanti li għal dik il-laqgħa li saret f’Malta fil-jiem li għaddew kellu jattendi, ikun preżenti u jindirizza l-istess laqgħa l-Prim Ministru Libjan. Abdullah al-Thinni li spiċċa f’idejn il-Militar Libjan wara li nżamm fl-ajruport ta’ Labraq, fin-nofsinhar ta’ Tripli, hekk kif nhar it-Tlieta, 14 ta’ Settembru wara nofsinhar kellu jibda titjira lejn Malta.
Mhux magħruf x’kien l-iskop preċiż ta’ dak il-vjaġġ tal-Prim Ministru Libjan Abdullah al-Thinni lejn Malta, għalkemm fl-aġenda taż-żjara tiegħu f’Malta hu kellu programmat li jindirizza konferenza organizzata mil-Libyan National Oil Corporation li tlaqqgħet l-għada l-Erbgħa.
Hu sigriet magħruf li l-Prim Ministru Libjan Abdullah al-Thinni jkun f’pajjiżna minn żmien għall-ieħor, anki għal skop ta’ transitu. Ftit tal-ġimgħat ilu biss hu kien f’Malta u, fost l-oħrajn, kellu laqgħat mal-ogħla uffiċjali tal-Gvern Malti ġewwa Kastilja.
Sorsi f’Malta li tkellmu ma’ MaltaRightNow fissru li minn tagħrif li għandhom jirriżulta li l-entourage tal-Prim Ministru Libjan – li hu l-Prim Ministru uffiċjalment magħruf kemm min-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll mill-Unjoni Ewropea in vista tal-kunflitt fil-Libja fejn żewġ Prim Ministru qed isostnu li għandu jkollhom it-tmexxija tal-Libja f’idejhom, dak ta’ Tripli kif ukoll dak ta’ Tobruk – kien wasal fl-ajruport ta’ Labraq.
L-ajruport ta’ Labraq jinsab madwar 700 kilometru fin-nofsinhar tal-kapitali Tripli li hi prattikament ikkontrollata mill-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Omar al-Hassi. Għalkemm kapaċi joffri servizzi kummerċjali, l-ajruport ta’ Labraq hu aktar meqjus bħala faċilità għal servizzi militari tant li l-preżenza militari fih hi waħda notevoli.
Dak li ġara kien li membri tal-Armata avviċinaw lill-Prim Ministru Abdullah al-Thinni u filwaqt li waqqfuh milli jkompli bil-vjaġġ tiegħu fejn fi ftit minuti oħra kellu jaqbad it-titjira li kellha twasslu Malta, qalulu li fuq ordni tat-Tmexxija tal-Armata kienu qed jarrestawh biex iwieġeb xi mistoqsijiet tal-Armata. Qalulu wkoll li l-ordni għall-arrest tiegħu kienet waħda legali fil-qafas militari.
Interessanti li għal-laqgħa organizzata mill-NOC f’Malta, diversi kumpaniji li jaħdmu fl-industrija taż-żejt qagħdu pass lura milli jieħdu sehem u jipparteċipaw u dan minħabba li bil-parteċipazzjoni tagħhom setgħu jurtaw lill-awtoritajiet ta’ Tripli fejn il-produzzjoni – il-parti l-kbira taż-żejt prodotta – hi taħt il-kontroll tal-istess awtoritajiet fi Tripli.
Fid-dawl ta’ dan ix-xenarju kollu l-appell internazzjonali liż-żewġ awtoritajiet fil-Libja jibqa’ wieħed – dak li jsibu t-triq komuni li jtemmu l-kunflitti ta’ bejniethom u li kulma jmur qiegħed ikompli jnawwar is-sigurtà tal-pajjiż.
Fil-fatt fil-jiem li għaddew Bernardino Leon, ir-Rappreżentant tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja, informa lid-delegati tal-entitajiet rivali Libjani li minn issa ’l quddiem m’għandhomx isiru aktar negozjati dwar il-pjan għall-paċi fil-Libja.
Bernardino Leon insista biex il-gruppi Libjani jesprimu ċar x’inhi l-pożizzjoni tagħhom rigward il-pjan għal pajjiżhom li ressqet in-Nazzjonijiet Uniti, filwaqt li jgħidu bla tlaqliq jekk iridux jaċċettaw il-pjan.
Il-Libja ilha b’żewġ Parlamenti u gvernijiet rivali minn Awwissu tas-sena l-oħra, wara li l-militanti kienu ħatfu l-kontroll ta’ Tripli u waqqfu l-amministrazzjoni li riedu huma. B’konsegwenza ta’ dan, il-Gvern Libjan li jgawdi għarfien internazzjonali kien kostrett jittrasferixxi lejn Tobruk, fil-Lvant tal-Libja.
Bernardino Leon ilu x-xhur jipprova jippreżenta kompromess għall-amministrazzjonijiet rivali tal-Libja li jippermetti Gvern Libjan ibbażat fuq l-għaqda. Dan it-tip ta’ Gvern ikun kapaċi jikkonfronta l-gruppi tal-militanti, fosthom l-ISIS, fil-pajjiż; flimkien mat-traffikanti li qed imexxu l-vjaġġi bl-immigranti lejn l-Ewropa.
Madankollu, numru ta’ proposti konsekuttivi ma ntlaqgħux minn naħa Libjana jew oħra u Leon insista li dan hu l-aħħar pjan, u li n-NU m’għandhiex tfassal l-abbozz mill-ġdid.
//= $special ?>