Il-Papa Franġisku ngħata merħba kbira mal-wasla tiegħu fl-Istati Uniti hekk kif il-President Barack Obama, akkumpanjat mill-familja tiegħu, mar personalment l-ajruport biex jilqgħu mal-wasla tiegħu. Din ħaġa li rari saret minn Obama.
Il-Papa se jdum ħamest ijiem b’kollox fl-Istati Uniti u matulhom se jindirizza wkoll l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York.
Spikka t-tluq tal-Papa mill-bażi militari ta’ Joint Base Andrews barra Washington fejn niżel l-ajruplan tiegħu. Dan wara li hu telaq b’FIAT 500 minflok b’karozza lussuża bħalma kien isir fil-passat.
Minbarra Washington u New York, il-Papa se jżur ukoll Philadelphia fejn se jmexxi quddiesa fil-miftuħ.
Fil-quddies li mexxa f’Kuba qabel ma telaq minn hemm, il-Papa ħeġġeġ lill-Kubani biex jaqdu lil xulxin u mhux lil xi ideoloġija.
Fi triqtu lejn l-Istati Uniti, f’mistoqsijiet li wieġeb lill-ġurnalisti fuq l-ajruplan, il-Papa fakkar lil dawk li kkritikawh għall-kritika tiegħu lill-kapitaliżmu li hu kien biss qed ifakkar dak li tgħid id-duttrina soċjali tal-Knisja u qal li akkużi li kien ixaqleb lejn ix-Xellug kienu ’l bogħod mir-realtà.
Merħba kbira lill-Papa fl-Istati Uniti
