Lokali

Metsola tappella biex it-28 pajjiż membru tal-UE jaqsmu r-responsabiltà tal-immigrazzjoni

Fil-programm People First, mill-PPE, l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola saħqet li l-Parlament Ewropew kien minn ta’ quddiem li mbotta s-suġġett tal-immigrazzjoni lejn l-Ewropa għax jemmen li din hi problema li mhix se tissolva weħidha jew malajr.

Waqt li esprimiet ottimiżmu b’kawtela li jintlaħaq qbil dwar rilokazzjoni tar-refuġjati, Metsola appellat biex it-28 stat membru jirrealizzaw li għandhom jaqsmu r-responsabiltajiet tal-isfida tal-immigrazzjoni.

Metsola saħqet li l-ftehim Schengen għandu jibqa’ għax jirrappreżenta pilastru ta’ waħda mil-libertajiet li jgawdu ċ-ċittadini tal-UE, dik tal-moviment ħieles, imma fl-istess ħin appellat biex ikun hemm iktar sigurtà fuq il-fruntieri tal-UE, fosthom bi FRONTEX iktar b’saħħitha.

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista spjegat li hemm bżonn li l-istati membri jirrikonoxxu r-responsabiltà umanitarja, għax min hemm jirrikonoxxu wkoll l-obbligu ta’ sigurtà anke għal dawk li ma jkunux jikkwalifikaw għall-ażil.

Qalet li hemm ħtieġa li ssir ħidma ma’ pajjiżi terzi, jiġifieri dawk li minnhom ikunu ħarbu l-immigranti u dawk li fihom ikunu qagħdu sakemm jaqsmu lejn l-Ewropa, biex f’każ li ma jikkwalifikawx għal status ta’ refuġjat, ikunu jistgħu jintbagħtu lura malajr mingħajr biża’ għas-sigurtà tagħhom.

Mistoqsija dwar il-biża’ ta’ periklu li immigranti jistgħu jwasslu fl-Ewropa, Metsola qalet li din hi perċezzjoni, li kull min qed jaħrab lejn l-Ewropa hu ta’ periklu, u din hi xi ħaġa li trid tiġi miġġielda b’edukazzjoni.

Qalet ukoll li l-PPE fil-Parlament Ewropew qed jimbotta biex ikun hemm ħidma kontra t-traffikanti u ċ-ċrieki kriminali li jgawdu minn fuq l-immigrazzjoni illegali, waqt li esprimiet diżappunt għal xi gruppi politiċi li fil-Parlament Ewropew jużaw argument wieħed biss favur il-ftuħ tal-fruntieri mingħajr qatt ma jqisu lit-traffikanti.