14-il għaqda mhux governattiva, li jaħdmu ma’ u għal immigranti u refuġjati, offrew suġġerimenti lil Malta biex tagħti sehem ikbar milli l-minimu, biex tgħin lir-refuġjati.
Fondazzjoni aditus, l-assoċjazzjoni tal-midja Afrikana f’Malta, il-fondazzjoni għall-kenn u s-sostenn tal-immigranti, Fondazzjoni Integra, l-Assoċjazzjoni Internazzjonali għar-Refuġjati, il-Jesuit Refugee Service (Malta), Kopin, il-Kummissjoni Maltija għall-Emigranti, Migrant’s Network for Equality, l-Assoċjazzjoni ta’ Immigranti Nisa f’Malta, l-Organizzazzjoni għall-Ħbiberija fid-Diversità, il-Laboratorju tal-Paċi, il-Fondazzjoni Poplu għall-Bidla u SOS Malta, qalu li d-dritt tal-ażil hu dritt fundamentali tal-bniedem u li s-solidarjetà ma tiqafx mal-kliem sabiħ.
Sostnew li dan l-aħħar żdied il-kliem b’insulti, vulgarità, bi vjolenza u b’mibgħeda u li dan irid jiġi kkundannat b’mod kollettiv u b’mod ċar.
L-għaqdiet qalu li waqt li japprezzaw id-dikjarazzjoni ta’ Malta, li lesta taċċetta n-numru ta’ refuġjati li jiġu assenjati lilha minħabba l-kriżi ta’ bħalissa, sostnew li jemmnu li Malta tista’ tagħmel iktar milli l-minimu. Spjegaw li b’numru ferm inqas ta’ immigranti li waslu fil-pajjiż permezz tad-dgħajjes, u bil-programm ta’ rilokazzjoni fl-Istati Uniti, qed jonqsu l-immigranti f’ħafna ċentri miftuħa u magħluqa f’Malta, waqt li xi wħud qed jingħalqu.
Huma appellaw lill-pajjiż biex japprezza d-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw refuġjati mwaħħla fl-Italja, il-Greċja u l-Ungerija u għalhekk biex jilqgħu numru ikbar ta’ immigranti milli jmiss.
Ħeġġew ukoll biex Malta tibdel il-politika tagħha dwar ir-rijunifikazzjoni tal-familji, bil-għan li jkun iktar faċli għall-qraba diretti tar-refuġjati imma wkoll għal adulti li jiddependu minnhom, għas-sieħeb jew sieħba mhux miżżewġa, għal ulied li jkunu adulti u anke għall-anzjani fil-familja. Sostnew li b’hekk, jonqsu l-perikli li jiffaċċjaw dawn in-nies biex jingħaqdu mal-familja tagħhom.
L-għaqdiet appellaw ukoll biex ir-refuġjati fil-pajjiż jingħatawlhom strutturi adegwati fejn jgħixu u aċċess iktar faċli għal servizzi li għalihom ikollhom dritt. Waqt li laqgħu d-dikjarazzjoni ta’ xi Kunsilli Lokali, li lesti jilqgħu familji Sirjani, insistew li dak li jsir irid ikun jirrispetta standards legali u d-dinjità tal-bniedem.
Spjegaw ukoll li Kunsilli Lokali jistgħu jgħinu billi jagħmluha iktar faċli għal refuġjati li diġà jgħixu fil-komunità tagħhom, fosthom billi jgħinuhom jagħmlu ħbieb, isibu xogħol, jgħinuhom bi proċeduri tal-banek, japplikaw għall-card għat-trasport pubbliku, isibu l-uffiċċji tal-Kunsilli Lokali stess u jattendu attivitajiet fil-komunità.
Fl-istess ħin, l-għaqdiet tennew l-istedina tagħhom lill-Gvern, biex jikkonsulta magħhom u saħqu li waqt li jistgħu ma jaqblux f’kollox, dan m’għandux ixekkel id-djalogu, il-kooperazzjoni u l-fiduċja bejn il-Gvern u s-soċjetà ċivili.
//= $special ?>