Il-GWU ordnat lix-xufiera membri tagħha biex joħorġu fuq strajk tul il-ġurnata ta’ għada bejn l-4a.m. u l-11p.m.
Dan tħabbar mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-venda tal-Belt Valletta fil-preżenza ta’ diversi xufiera membri tal-GWU.
Tony Zarb fisser li l-istrajk ġie wara li għaddew it-48 siegħa ċans li l-union tat lill-kumpanija Malta Public Transport sabiex taċċetta t-talbiet tal-membri tagħha dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Hu qal li l-unika reazzjoni min-naħa tal-kumpanija kienet ittra ambigwa. Hu qal li l-union tibqa’ miftuħa għal taħdidiet, anki matul il-lejl li ġej iżda għamilha ċara li l-azzjoni industrijali tieqaf biss jekk jintlaħaq ftehim
Fost l-affarijiet li hemm kwistjoni dwarhom hi dik tal-break tal-ħaddiema fejn l-operatur lest li jagħti kwarta break iżda li tkun maqsuma fi tliet breaks ta’ 5 minuti. Zarb qal li minbarra li ebda ħaddiem ma jkollu break ta’ ħames minuti, ir-regolamenti tas-saħħa u sigurta’ għax-xufiera jesiġu żmien ta’ mistrieħ wara iktar minn 6 sigħat ta’ sewqan kontinwu. Tony Zarb qal ukoll lill-membri sabiex joqogħdu attenti għal iktar direttivi li tista’ toħroġ il-union jekk ma jkunx hemm żblokk fis-sitwazzjoni.
Din il-kwistjoni wasslet sabiex ir-rotot ġodda li tħabbru mill-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi fil-bidu ta’ dan ix-xahar sfumaw fix-xejn. Mistoqsi jekk jistgħux isiru r-rotot ġodda u fl-istess waqt ikunu akkomodati it-talbiet tal-union, Tony Zarb qal li l-union ma tidħolx fil-mertu tal-impenji li għamlet il-kumpanija mal-Gvern.
Ir-rotot il-ġodda, li kellhom jidħlu f’4 fażijiet sa tmiem din is-sena, kienu posposti b’mod indefinit sakemm jingħata avviż ieħor.
Il-UĦM fi stqarrija dwar l-istrajk li tħabbar għal għada fis-servizz tat-trasport pubbliku saħqet li ser tkun qed tappoġġa għal darb oħra l-għajta tal-ħaddiema ġewwa l-Malta Public transport sabiex ikollhom kundizzjonijiet aħjar, madankollu tistenna li dawn il-kundizzjonijiet jinbidlu mingħajr aktar kaxkir tas-saqajn.
Il-UĦM tinnota li sa fl-aħħar il-GWU intebhet bl-ghajta tal-ħaddiema kontra l-abbuż fir-rigward tad-duties tagħhom. Il-UĦM sostniet li ilha xhur tħambaq li dawn id-duties mhumiex aċċettabli. B’sodisfazzjoni il-UĦM tinnota li fl-aħħar, il-GWU ser tieħu l-azzjonijet biex tindirizza dawn id-duties inumani.
Waqt li l-UĦM tappella lill-membri tagħha numerużi sabiex għada jsegwu l-azzjonijiet industrijali tal-GWU, fl-istess waqt din il-Unjin tfakkar li l-ġlieda tagħha għall-ħaddiema kollha tal-Malta Public Ttransport ma tieqafx biss mad-duties, iżda fil-lista jizdiedu ukoll is-salarji,l-allowances kif ukoll rispett u dinjita xierqa lejn il-ħaddiema.