Fil-Qorti dalgħodu xehed Fr Charles Fenech, f’każ ta’ talba għal kumpens minn vittmi ta’ abbuż sesswali minn membri tal-kleru.
Id-Dumnikan kien mitlub jagħti x-xhieda tiegħu fil-Qorti l-ġimgħa li għaddiet iżda ma kienx attenda. Iktar tard spjega li dan ġara minħabba ftehim ħażin mal-avukat tiegħu u l-Qorti rrevokat l-ordni ta’ multa ta’ €150 għal dan.
Lawrence Grech u Philip Cauchi qed jitolbu lill-Qorti Kostituzzjonali biex twaqqaf lill-Imħallef Joseph Micallef milli jippresiedi fuq il-każ tat-talba ta’ kumepns, minħabba li hu involut fl-istituzzjoni li fiha sar abbuż fuqhom.
Il-vittmi qed jallegaw nuqqas ta’ imparzjalità mill-Imħallef li hu president ta’ Radju Marija li twaqqaf mill-Ordni Dumnikana.
Quddiem l-Imħallef Mark Chetcuti, is-saċerdot xehed li l-istazzjon tar-radju twaqqaf biex iwassal messsaġġ tal-Knisja Kattolika u li m’għandu ebda kontenut politiku jew reklamar. Fisser li l-istazzjon jitmexxa minn diretturi, li huma kollha lajċi, u li l-Imħallef Micallef kien jagħmel ukoll xogħol amministrattiv sa meta s-saċerdot kien għadu jaħdem fl-istazzjon sa Ottubru li għadda.
Fr Charles Fenech speċifika li kien hu li kien jieħu ħsieb il-kontenut tal-programmi u li t-tmexxija tal-istazzjon ma kinitx tindaħal fuq min ikun mistieden għall-programmi. Spjega li Radju Marija mhux l-istazzjon tal-Knisja, li għandha stazzjon ieħor.
Taħt kontro-eżami, is-saċerdot qal li l-Imħallef qatt ma rċieva flus għal xogħlu u li l-Kurja u l-ordni MSSP ma kellhom ebda uffiċjal fi ħdan l-istazzjon u lanqas ikkontribwew finanzjarjament.
Il-każ ġie differit għall-21 t’Ottubru.
Fr Charles Fenech qed jiffaċċja akkużi separati dwar abbuż sesswali wara li mara saħqet li s-saċerdot abbuża minnha waqt relazzjoni twila numru ta’ snin. Il-mara allegat li l-abbuż beda waqt li hi kienet qed tingħata kura mill-Isptar Monte Karmeli. Is-saċerdot jiċħad l-akkużi fil-konfront tiegħu.
//= $special ?>

