IN-NAZZJON jirrapporta dwar l-iskandlu tal-eks Teżorier tal-Partit Laburista Joe Sammut. L-Oppożizzjoni tgħid li l-iżviluppi ta’ dawn l-aħħar sigħat huma konferma ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata u tinsisti li l-bżonn ta’ inkjesta indipendenti hu aktar urġenti. Fl-ewwel faċċata wkoll hemm storja dwar negozjant li qed jallega li kien arrestat illegalment mill-pulizija fuq reat li m’għamilx. Rapport ieħor hu dwar is-summit tal-UE u tal-Partit Popolari Ewropew fi Brussell.
TIMES OF MALTA jirrapporta dwar l-iskandlu tal-eks teżorier tal-PL Joe Sammut, b’mod partikolari dwar ir-raid tal-Pulizija fl-uffiċċji ta’ Identity Malta b’diversi membri tal-istaff ikunu arrestati. Storja oħra fl-ewwel faċċata hi dwar inkjesta li nfetħet wara l-mewt ta’ anzjan ta’ 92 sena li miet f’San Vinċenz de Paul. F’Lulju li għadda, l-anzjan kien vittma ta’ allegat swat minn nursing aide.
THE MALTA INDEPENDENT jirrapporta dwar is-summit tal-UE u tikkwota lill-Prim Ministru Malti Joseph Muscat jgħid li l-bini ta’ ħitan mhux is-soluzzjoni ta’ kollox. Storja oħra fl-ewwel faċċata ta’ dan il-ġurnal hi dwar studju magħmul l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) li fiha ġie żvelat li Malta hu l-iktar pajjiż fl-UE li għandu l-popolazzjoni b’piż żejjed. It-Turkija u l-Andorra biss jgħaddu għandu riżultat agħar minn Malta meta jitqiesu wkoll il-pajjiżi Ewropej mhux membri tal-UE.
L-ORIZZONT jirrapporta dwar l-inawgurazzjoni tal-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo iktar kmieni din il-ġimgħa. Storja oħra hi dwar il-laqgħa tal-bieraħ tal-MCESD li fiha kien hemm qbil dwar is-suċċess fl-ekonomija iżda wkoll tħassib dwar l-esportazzjoni minn uħud mill-imsieħba soċjali.
THE MALTA BUSINESS WEEKLY jirrapporta dwar is-sentiment ekonomiku f’Malta li ra tnaqqis kemm fl-industrija kif ukoll fis-settur tas-servizzi, iżda jiżdied b’mod sostanzjali fis-settur tal-kostruzzjoni. Dawn ir-riżultati joħorġu mill-Quarterly Review tal-Bank Ċentrali ta’ Malta u jirreferu għat-tieni kwart ta’ din is-sena.
//= $special ?>