Il-kumpanija tal-karozzi rinomata Volkswagen tinsab fi kriżi wara li ħareġ fil-beraħ l-iskandlu dwar il-manipulazzjoni tal-provi għall-emissjonijiet tal-vetturi tal-istess kumpanija li jaħdmu bid-diesel, fl-Istati Uniti.
B’konsegwenza ta’ dan il-każ, Martin Winterkorn irriżenja minn Kap Eżekuttiv tal-Volkswagen u fost affarijiet oħrajn, sostna li l-kumpanija teħtieġ ‘bidu ġdid’. Madankollu, Winterkorn qal ukoll li ma kienx konxju li kien qed jagħmel xi ħaġa ħażina u spjega li kien aġixxa fl-aħjar interessi tal-Volkswagen.
Il-Volkswagen ammettiet li żgiċċat mill-kriterji tar-regolaturi fl-Istati Uniti rigward il-provi għat-tniġġis tal-arja. Il-kumpanija, bejn l-2008 u l-2015, użat tagħmir speċifiku għall-vetturi li jaħdmu bid-diesel li juri riżultati tal-provi aktar pożittivi. Dan waqt li l-Volkswagen ammettiet li l-proċess effettwa 11-il miljun vettura madwar id-dinja.
Il-Volkswagen tista’ teħel multi ta’ $37,500 għal kull vettura fl-Istati Uniti. Il-kumpanija, mill-2008 ’l hawn, biegħet mal-482,000 vettura li taħdem bid-diesel fl-Istati Uniti u kapaċi teħel penali ta’ $18-il biljun bħala massimu.
Mhux eskluż li l-Volkswagen tiffaċċja wkoll rikors fil-qorti minn numru kbir ta’ persuni b’interess fil-kwistjoni u li jaġixxu b’mod kollettiv. Dan fost rapporti li jissuġġerixxu li d-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan beda investigazzjoni kriminali dwar jekk il-kumpanija aġixxietx dolożament fil-qerq dwar l-emissjonijiet.
Rapporti oħra qalu li l-awtoritajiet fl-Ewropa qed jippjanaw biex ilaqqgħu r-rappreżentanti nazzjonali ħalli jiddiskutu l-każ, għalkemm l-Italja u l-Iżvizzera huma fost il-ftit li bdew l-investigazzjonijiet tagħhom. Il-Ġermanja, fejn hi bbażata l-kumpanija Volkswagen, ukoll qed tippjana biex timplimenta provi addizzjonali fir-rigward tal-vetturi.
Il-Volkswagen fi kriżi
