Wara s-summit tal-Erbgħa, il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, wissa li ‘l-Ewropa għad trid tara l-akbar mewġa ta’ refuġjati u immigranti’ u hemm bżonn isir ħidma biex tilqa’ għal din l-eventwalita.
Dan hekk kif il-kriżi ta’ bħalissa qed toħloq tensjoni fis-Serbja u l-Kroazja.
Fil-fatt, is-Serbja kienet qed tipprojbixxi t-traffiku tal-merkanzija mill-Kroazja lejn artha, bil-Kroazja, min-naħa tagħha, twaqqaf il-vetturi li huma rreġistrati s-Serbja.
Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, wissiet li għadha ‘l bogħod soluzzjoni għall-kriżi tal-immigranti u ‘l-mod kif jitrattawha l-pajjiżi’ għandu jibdel lill-Ewropa għall-futur.
Meta kellmet lill-parlamentari Ġermaniżi f’Berlin wara s-summit ta’ emerġenza tal_Erbgħa, Merkel sostniet li l-aħħar miżuri tal-Unjoni Ewropea li kienu miftehma nhar l-Erbgħa, huma biss ‘l-ewwel pass’ u li mhux biżżejjed proċess ta’ ‘rilokazzjoni selettiva’ għall-immigranti. Hi, fl-istess ħin, insistiet li l-Ewropa teħtieġ proċess permanenti għad-distribuzzjoni xierqa tar-refuġjati fost l-Istati-membri tal-UE.
Merkel faħħret il-miżuri tal-UE għat-titjib tal-kontrolli mal-fruntiera u biex issir reġistrazzjoni xierqa tal-immigranti fl-aċċessi tal-Greċja u l-Italja.
Hi qalet ukoll li l-parteċipanti fis-summit ta’ nhar l-Erbgħa għall-Mexxejja tal-UE ‘irrikonoxxew l-iskala tal-problema u bagħtu messaġġ ta’ għaqda’. Madankollu hi kkritikat il-fatt li xi Stati tal-UE ‘naqsu milli jilqgħu l-minimu tal-kriterji tal-Ewropa għall-akkommodazzjoni u kenn tar-refuġjati’.
Merkel, hawnhekk, żvelat li beħsiebha tħaffef il-proċeduri fil-Ġermanja li jipprovdu kenn politiku lill-immigranti.
Din is-sena waslu fl-Ewropa man-nofs miljun immigrant, f’sitwazzjoni li qajjmet diżgwid fi ħdan l-UE.
Sadanittant, ma waqfux il-movimenti tal-immigranti mill-fruntieri tal-Ewropa, bl-Ungerija tħabbar ‘il-wasla rekord’ ta’ 10,046, nhar l-Erbgħa. Komplew ukoll il-battibekki bejn il-pajjiżi, bl-aħħar żbroff jinqala’ bejn is-Serbja u l-Kroazja.
Il-kriżi anki qanqlet twissija speċifika mill-Kummissjoni Ewropea. Fil-fatt, il-Kummissjoni sostniet li jekk il-kriżi ma tkunx indirizzata kif suppost, l-estremiżmu tal-lemin kapaċi jieħu spinta madwar l-Ewropa.
//= $special ?>