Il-Kummissjoni Ewropea se tieħu lil Malta quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar l-insib tal-għasafar tal-għana. Dan il-pass ifisser li l-Kummissjoni se tkun qed tikkontesta fil-Qorti Ewropea d-deċiżjoni tal-Gvern Malti li jibqa’ jippermetti l-insib ta’ seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana selvaġġi f’Malta billi japplika Deroga mid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-Għasafar, li ilha tiġi applikata mill-2014.
L-azzjoni kontra Malta dwar l-insib bdiet f’Ottubru li ghadda, meta l-Gvern Malti rċieva dak li jissejjaħ l-Ewwel Avviż Formali min-naħa tal-Kummissjoni, li permezz tiegħu ġie mħeġġeġ ma jerġax jintroduċi l-insib għall-għasafar tal-għana. Madankollu, dakinhar il-Gvern Malti ssokta bid-Deroga għax qal li ma jaqbilx mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni, tant li l-istaġun tal-2014 tal-insib għall-għasafar tal-għana nfetaħ.
Dan wassal biex seba’ xhur wara, fit-28 ta’ Mejju ta’ din is-sena, il-Gvern Malti kien irċieva dik li tissejjaħ “Reasoned Opinion”, jiġifieri Talba Formali biex itemm l-insib ħalli Malta tiġi konformi mar-regoli Ewropej. Dakinhar kien imwissi li jekk ma jagħmilx dan fi żmien xahrejn, il-każ jista’ jitressaq quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Madankollu, il-Gvern Malti kien wieġeb uffiċjalment għal din it-talba u kkontesta l-analiżi li għamlet il-Kummissjoni.
Issa, wara li l-Ewwel Avviż u t-Talba Formali ġew injorati, il-Kummissjoni Ewropea ma kellha l-ebda triq oħra ħlief li tirreferi lill-Gvern Malti quddiem il-Qorti Ewropea.
F’reazzjoni, BirdLife Malta laqgħet id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea u qalet li tittama li sakemm jinstema’ l-każ fil-Qorti Ewropea, il-Kummissjoni tapplika Mandat ta’ Inibizzjoni biex twaqqaf l-insib f’Malta b’mod immedjat. B’hekk, sostniet BirdLife Malta, ma jkomplux jinqabdu eluf ta’ għasafar tal-għana, hekk kif “m’hemm assolutament l-ebda raġuni biex din it-tradizzjoni titkompla”.
Sadanittanta Charlo’ Bonniċi kelliem tal-Kaċċa u l-insid saħaq li Joseph Muscat mhux biss daħak bl-ambjentalisti iżda daħak bil-kaċċaturi u nassaba wkoll. L-aħbar ta’ llum li l-Kummissjoni Ewropea se ttella’ lil Malta quddiem il-Qorti Ewropea dwar l-insib hija konferma ta’ dan.
Charlo’ Bonniċi kkonkluda li Joseph Muscat wiegħed kollox lin-nassaba biex jeħdilhom il-vot. Daħak bihom. Issa qed toħroġ il-verita. Hija aktar ironika li dak li se jtella’ lil Malta l-Qorti huwa l-istess bniedem li kiteb il-programm elettorali tal-Partit Laburista, Karmenu Vella.
//= $special ?>