Lokali Qorti

Membru tal-MUSEUM meħlus minn akkużi ta’ abbuż fuq minorenni, il-verżjoni tat-tifel mhix kredibbli

Anthony Callus, raġel ta’ 46 sena u membru tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM), kien meħlus minn kull akkuża ta’ abbużi fuq minorenni f’każ li kien wassal biex ikun sospiż mis-soċjetà u anke mill-impjieg bħala Assistent Kap ta’ Skola.

Callus kien arrestat is-sena li għaddiet meta tifel ta’ 10 snin allega li kien intmess b’mod inappropju mir-raġel. Hu kien akkużat li attakka b’mod vjolenti u indiċenti lit-tifel, kif ukoll li tah fastidju, offenda l-morali pubblika u b’korruzzjoni ta’ minorenni.

Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Josric Mifsud, kienet qalet li fl-24 ta’ Awwissu li għadda, it-tifel irrapporta li meta kienu f’attività ta’ għawm, Callus refgħu għal diversi drabi qabel ma żammu b’tali mod li ffastidjah.

Madankollu wara li semgħet ix-xhieda, inkluż tat-tifel, il-Qorti rat li l-verżjoni tal-fatti mogħtija mit-tifel mhijiex kredibbli. Barra minhekk, hu fiżikament impossibbli l-abbuż seta’ sar bil-mod kif allega t-tifel. Il-Qorti nnutat ukoll li qabel ma seħħ il-każ, it-tifel ma xtaqx ikomplu jmur għas-sessjonijiet tad-Duttrina. Madankollu, dan kellu jmur wara insistenza ta’ missieru.