Joseph Muscat m’għandu l-ebda triq oħra ħlief li jerfa’ r-responsabbiltà politika għall-korruzzjoni istituzzjonalizzata li fniet lill-Gvern li jmexxi u li hu responsabbli għalih. L-aħħar żviluppi b’rabta mal-aġenzija Identity Malta u l-ħruġ ta’ Visas u Permessi ta’ Residenza huma konferma, issa anke mill-istess Gvern, li f’dawn is-sentejn u nofs pajjiżna nfena min korruzzjoni istituzzjonalizzata.
F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-uffiċini ta’ Identity Malta fil-Belt, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami qal li Muscat għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika għall-korruzzjoni istituzzjonalizzata li daħlet taħt dan il-Gvern fl-aġenzija Identity Malta.
L-Oppożizzjoni qed tappella lil Muscat biex jissospendi minnufih liċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Identity Malta Joe Vella Bonnici, kif ukoll jispjega kif ġew impjegati n-numru kbir ta’ nies fi ħdan Identity Malta, li huma qraba taċ-Chairman Eżekuttiv jew viċin ħafna ta’ Joseph Muscat. L-Oppożizzjoni qed tinsisti wkoll li ssir inkjesta indipendenti minnufih biex jiġi stabbilit verament x’ġara, kif ukoll li jittieħdu passi immedjati ħalli jiġu rtirati dawk il-Visas u l-Permessi ta’ Residenza li ngħataw b’mod illegali.
Beppe Fenech Adami qal li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ilu numru ta’ ġimgħat jitkellem dwar korruzzjoni istituzzjonalizzata, issa għandna konferma mill-Gvern stess li f’pajjiżna llum teżisti korruzzjoni istituzzjonalizzata li tfakkarna fi żmien Mintoff u Lorry Sant.
Il-Viċi Kap Nazzjonalista qal li Muscat hu politikament responsabbli għall-korruzzjoni istituzzjonaliszzata fl-Identity Malta, b’din il-korruzzjoni qed tkisser l-immaġini ta’ pajjiżna bħala pajjiż serju.
Min-naħa tiegħu, il-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Dorian Sciberras sostna li l-poplu għandu kull dritt jgħix f’pajjiż sikur, fejn kulmin għandu Permess ta’ Residenza mhux jakkwistaha għax xaħħam lil xi ħadd, iżda għax ikollu dritt. Sciberras saħaq ukoll li filwaqt li l-Pulizija għandhom ikomplu jinvestigaw dawn il-każijiet serji li qed joħorġu, il-poplu għandu jkollu moħħu mistrieħ li dawn l abbużi waqfu.
//= $special ?>