Lokali

Numru ta’ inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi fuq Net Television u Radio 101

Bl-għan li l-Partit Nazzjonalista jkompli l-pjan ta’ modernizzar tal-midja tiegħu u jtejjeb il-kwalita’ tal-prodott tiegħu, fil-jiem li ġejjin fuq il-mezzi tax-xandir tal-partit se jkunu għaddejjin numru ta’ inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi.

Fuq Net Television minn għada tibda Sfida Net, fejn numru ta’ personalitajiet se jqattgħu sal-Ħadd li ġej maqfula fi studio ta’ Net Television u li matulhom se jinġabru fondi għall-proġett biex l-apparat użat mill-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista jinqaleb għal HD – jiġifieri l-aqwa teknoloġija bi kwalita’ superjuri.

Anke’ fuq Radio 101 se tkun għaddejja maratona ta’ 40 siegħa, immexxija mill-preżentatriċi Manila Battone, bl-għan li jinġabru fondi għal dan il-proġett.

Net Television ukoll se jkollu l-maratona tiegħu, li tibda l-Ħadd minn nofsinhar ‘il quddiem.

Dwar l-għan wara dawn l-inizjattivi tkellimna mal-Viċi Kap għall-Ħidma tal-Partit, Beppe Fenech Adami.

Hu appella biex il-poplu jikkonkorri għal dawn l-attivitajiet biex il-midja tal-Partit Nazzjonalista tkompli tittejjeb.

Minbarra Radio 101, anke’ Net Television se jkun qed ixandar Live kemm Sfida Net kif ukoll il-maratona tal-Ħadd.