Sport

Rossi jipprova jkompli jkabbar il-vantaġġ

Is-sewwieq u leader tal-Yamaha Valentino Rossi qal li minkejja li għandu vantaġġ ta’ 23 punt fuq l-eqreb rivali tiegħu Jorge Lorenzo xorta waħda se jżomm saqajh mal-art u fi tmiem il-ġimgħa se jagħmel minn kollox biex ikabbar dan il-vantaġġ hekk kif it-tnejn li huma se jkunu qed jikkompetu fil-Grand Prix ta’ Aragon. Min-naħa tiegħu, Lorenzo jittama li jirrepeti s-suċċess li kellu sena ilu f’dan iċ-ċirkwit biex tal-anqas ikompli jittama li jkun hu li fi tmiem l-istaġun ikun inkurunat champion.

Ġimagħtejn ilu, Rossi kellu wirja diżappuntanti f’San Marino fejn kiseb l-agħar riżultat dan l-istaġun meta daħal fil-ħames post imma fortunatament għalih Lorenzo kellu jirtira u b’hekk il-vantaġġ li kellu f’ras il-klassifika xorta waħda kompla jikber.

Madankollu, ħarsa lejn il-matematika turi li jekk Lorenzo jirbaħ il-ħames Grand Prix li fadal u Rossi jtemm dejjem fit-tieni post, ikun Lorenzo li jirbaħ it-titlu b’distakk ta’ żewġ punti u b’hekk is-sewwieq Taljan ma jridx jirriskja. Iċ-champion attwali Marc Marquez tal-Honda, li rebaħ il-GP f’Misano qiegħed 63 punt taħt Rossi u matematikament ukoll għadu biċ-ċans li jiddefendi t-titlu.

“Qiegħed f’sitwazzjoni fejn minkejja li għandi vantaġġ tajjeb fuq l-eqreb żewġ rivali tiegħi, dawn xorta waħda qegħdin biċ-ċans it-tnejn li huma u b’hekk ma nistax infalli. Ma rridx nitfa’ pressjoni fuqi u naħseb wisq fuq il-matematika. Irrid biss nikkonċentra fuqi nnifsi u nagħti l-massimu,” qal Rossi.

Ta’ min jinnota li ċ-ċirwkit ta’ Aragon (flimkien ma’ dak ta’ Austin fl-Istati Uniti) hu ċirkwit li Rossi qatt ma ħareġ rebbieħ fih. L-aħjar riżultat li qatt kiseb f’Aragon Rossi kien fl-2013 meta temm fit-tielet post filwaqt li sena ilu kellu jirtira. Minn dakinhar ’l hawn il-wirjiet ta’ Rossi kienu eċċellenti u dejjem kiseb post fuq il-podju ħlief darba, ġimagħtejn ilu f’Misano. Għall-kuntrarju ta’ Rossi, il-wirjiet ta’ Lorenzo f’Aragon dejjem kienu mill-aqwa u minn ħames darbiet li kkompeta f’Aragon, erba’ darbiet minnhom spiċċa fuq il-podju u dan bla dubju jawgura tajjeb għalih. L-agħar riżultat li kiseb kien fl-2010 meta temm fir-raba’ post.

Is-sewwieq tal-Honda Marquez se jkun qed jimmira li jikseb il-50 rebħa fil-karriera tiegħu fil-MotoGP. Fl-2013 hu kien rebaħ f’Aragon meta kien beda mill-pole position imma sena ilu, anke jekk reġa’ beda mill-ewwel post kien waqa’ bil-mutur u daħal fit-13-il post.

Is-sewwieq tad-Ducati Andrea Iannone xorta waħda mistenni jikkompeti nhar il-Ħadd li ġej minkejja li għat-tieni darba din is-sena żloga spalltu. Hu kien oriġinarjament weġġa’ f’Mejju li għadda waqt provi li kienu qed isiru f’Mugello u reġa’ weġġa’ l-istess spalla nhar l-Erbgħa waqt it-taħriġ.