Tal-inqas 700 persuni li kienu qed jieħdu sehem fil-pellegrinaġġ tal-Hajj mietu f’rassa terribbli qrib il-belt ta’ Mekka, li hi l-belt qaddisa ewlenija għall-Iżlamiċi.
Madwar 450 persuna ndarbu fl-inċident, f’xeni ta’ paniku u konfużjoni. Dan waqt li żewġ miljun devot kienu qed jipparteċipaw fl-aħħar rit prinċipali tal-Hajj fejn, skont it-tradizzjoni, huma jgaraw il-ġebel lejn il-Kolonni ta’ Jamarat li jirrappreżentaw lix-xitan.
Sadanittant, kien hemm ukoll rapporti konfliġġenti li qalu li t-traġedja seħħet f’sit fejn kienu ttellgħu t-tined u mhux fl-inħawi tal-kolonni. Ingħad li grupp ta’ devoti avviċina grupp ieħor ta’ nies li kienu bilqiegħda fl-art u nqala’ kaos sħiħ.
Id-direttorat tad-difiża ċivili Sawdi bagħat messaġġ fuq Twitter u qal li eluf ta’ ħaddiema tiegħu kienu ntbagħtu fiz-zona ta’ Mina fejn kien hemm ir-rassa; l-istess bħat-taqsimiet għall-kontroll tal-emerġenzi u r-rescue units. Il-midruba, intant, twasslu lejn erba’ sptarijiet fiz-zona.
Il-vittmi tal-inċident ġejjin minn diversi pajjiżi, fosthom in-Niġer. Il-Foreign Office tar-Renju Unit kien għaddej bil-kuntatti mal-awtoritajiet Sawdi biex ikun jaf jekk fost il-vittmi kienx hemm xi Britanniċi.
It-tħejjijiet għall-Hajj kienu bdew taħt sħaba sewda meta dan ix-xahar waqa’ krejn fuq il-Moskea l-Kbira ta’ Mekka u mietu 109 persuni.
Intant, l-inċident tal-bieraħ kien l-aktar wieħed qattiel, waqt il-Hajj, mill-2006 ’l hawn, meta iktar minn 360 devot kienu tilfu ħajjithom f’rassa fl-istess zona.
Traġedja waqt il-peleġrinaġġ tal-hajj
