Formula 1 Sport

Vettel se jipprova jkompli jitfa’ l-pressjoni fuq Hamilton

Jibdew il-provi liberi għall-GP tal-Ġappun

Hekk kif għal tmiem l-istaġun fadal sitt Grand Prix u 150 punt x’jintrebħu, is-sewwieq tal-Ferrari Sebastian Vettel qal li se jagħmel minn kollox biex fiż-żmien li fadal ikompli jitfa’ l-pressjoni fuq il-lider u champion Lewis Hamilton. Illum jibdew il-provi għall-Grand Prix tal-Ġappun u bla dubju meta wieħed isemmi dan il-GP il-ħsibijiet mal-ewwel imorru fuq l-ekssewwieq tal-Marussia Jules Bianchi li kien involut f’inċident serju hekk kif ħabat fi crane u riżultat ta’ dan spiċċa f’koma li qatt ma rkupra minnha u spiċċa tilef ħajtu f’Lulju li għadda.

Nhar il-Ħadd li għadda Vettel kiseb it-tielet rebħa tiegħu dan l-istaġun meta rebaħ il-Grand Prix ta’ Singapore filwaqt li għall-ewwel darba dan l-istaġun Hamilton tal-Mercedes naqas milli jtemm it-tellieqa għax kellu jirtira minħabba problemi fil-karozza. Riżultat ta’ dan id-distakk bejn Hamilton, u Vettel, li qiegħed fit-tielet post tal-klassifika tas-sewwieq niżel għal dak ta’ 49 punt filwaqt li bejniethom hemm Nico Rosberg. Dan tal-aħħar temm fir-raba’ post u d-distakk bejnu u bejn Hamilton issa hu dak ta’ 41 punt filwaqt li qiegħed seba’ punti fuq Vettel. Anke jekk jidher kważi impossibbli li Vettel jaqbeż lil Rosberg u lil Hamilton, l-eks-champion qal li sakemm il-matematika tippermettilu mhux se jieqaf jittama. “Kienet tellieqa diffiċli. Ovvjament kien hemm mument meta l-affarijiet ġew favurina meta ħarġet is-safety car imma xorta waħda dejjem kont fil-kontroll. Kienet ġimgħa mill-aqwa għalina u nemmen li jekk ikollna aktar ġranet bħal dawn nistgħu forsi nibdew nittamaw f’xi miraklu. Min-naħa tiegħi jien se nagħti l-massimu imma rridu nifakru wkoll li r-riżultati ma jiddependux biss minna. Illum kont sorpriż bil-fatt li l-Mercedes kellhom problemi fil-karozza u naħseb lanqas huma stess ma jafu x’inhi r-raġuni,” qal Vettel.

Ta’ min jinnota li Vettel hu l-aktar sewwieq, li għadu attiv, li qatt rebaħ tlielaq fil-Ġappun, total ta’ erba’ darbiet, u dan bla dubju jawgura tajjeb għall-Ferrari li qed jittamaw li jerġa’ jkollhom sewwieq fuq il-podju. F’Singapore, minbarra li rebaħ Vettel, Kimi Raikkonen, tal-Ferrari wkoll, daħal fit-tielet post.