Il-bord superviżorju ta’ Volkswagen kellu laqgħa ta’ kriżi u ħatar li Matthias Mueller bħala Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Ġermaniża.
Il-Volkswagen bħalissa għaddejja minn theżżiża interna dovuta għall-iskandlu konness mal-manipulazzjoni ta’ provi għall-emissjonijiet fis-software tal-karozzi Volkswagen li jaħdmu bid-diesel fl-Istati Uniti.
Mueller, li qabel kien imexxi l-entità Porsche (taqsima tal-Volkswagen), laħaq Kap Eżekuttiv minflok Martin Winterkorn li rriżenja nhar l-Erbgħa. Intant, il- Volkswagen qed taħseb biex twettaq bidliet radikali fil-management meta mistennija jitkeċċew aktar membri eżekuttivi li ċċappsu mal-iskandlu tal-emissjonijiet.
Investituri fil-kumpanija semmew il-ħtieġa li l-Volkswagen tieħu azzjoni biex tirbaħ lura l-fiduċja tas-swieq. Dan meta ħarġu aktar dettalji dwar it-tipi u l-lokalità tal-11 il-miljun vettura involuti fl-iskandlu.
L-awtoritajiet Amerikani illum jafu li s-software ta’ magna tad-diesel partikulari tal-Volkswagen kapaċi jindika meta jkunu qed isiru t-testijiet għall-emissjonijiet mill-karozza u jnaqqas il-livell tagħhom. F’sitwazzjoni bħal din, l-emissjonijiet ta’ karozza diesel waqt is-sewqan kienu jkunu konsiderevolment ogħla minn dawk indikati waqt il-provi.
Il-Ministeru tat-Trasport fil-Ġermanja, fl-istess ħin, qal li maż-2.8 miljun vettura fil-pajjiż huma fost dawk li fihom is-software li qed ‘jinkwadra’ fl-iskandlu.
//= $special ?>