Lokali

Filmat: ‘Tkunx ġifa’ – GWU

Jekk ċertu xufiera ma jirrapurtawx għax-xogħol, jistgħu jitkeċċew mill-Malta Public Transport. Din hija t-theddida li għamlet il-kumpanija lil numru ta’ xufiera li illum ħarġu fuq strike.

Roderick Bajada, il-Kap tar-Riżorsi Umani fil-Malta Public Transport, għadda ittra lix-xufiera fejn qed jgħid illi qed jikkwota partijiet mil-liġi li tobbliga lix-xufiera jaħdmu. Fl-ittra jingħad illi dawk li irċievew din il-korrispondenza huma uħud minn dawk identifikati biex joffru servizz ridott tat-trasport pubbliku. “Jekk int ma tirrappurtax għax-xogħol jistgħu jittieħdu passi dixxiplinarji kontrik, u saħansitra titkeċċa mill-post tax-xogħol”, jikteb il-Kap tar-Riżorsi Umani.

Dan filwaqt li l-operatur tat-trasport pubbliku, ħareġ mandat ta’ inibizzjoni lill-Unions sabiex ikun provdut 50 fil-mija mis-servizz tat-trasport pubbliku.

Biex tirrispondi għal dan kollu s-Segretraju tal-Generali Workers Union, Tony Zarb, għamel konferenza tal-aħbarijiet fil-venda tal-belt. Waqt il-konferenza Zarb kemm-il darba appella lill-kumpanija biex quddiem din is-sitwazzjoni ma tkunx “ġifa”.

Tony Zarb qal wkoll li jekk ħamsin fil-mija tal-ħaddiema se jkollhom jidħlu lura għax-xogħol minħabba l-mandat ta’ inibizzjoni, f’dak il-kaz xorta għal dawk il-ħaddiema l-Union se tordna azzjonijiet industrijali.

Toni Zarb għamel twissija lill-kulħadd – li din il-problema li nqalgħet mal-operatur tat-trasport pubbliku għandha tibqa’ biss bejn il-Union u l-kumpanija biss.

Mistoqsi minn Net News jekk il-Ministru responsabbli mit-trasport pubbliku, Joe Mizzi, sejjahx ghall-Union sabiex jiddiskuti l-kwistjoni, Toni Zarb, qal li le.

Mistoqsi wkoll jekk waqt il-laqgħa tal-Ħamis filgħaxija l-Union talbietx li jiġi ppublikat il-ftehim li l-Ministru Joe Mizzi ffrima mal-Autobuses de leon, Tony Zarb qal li għalissa għadhom ma talbux sabiex ikun ippublikat.