Internazzjonali

Il-Papa Franġisku jħeġġeġ għar-rispett tal-ambjent waqt diskors lin-NU

Il-Papa Franġisku għadu kemm indirizza lill-mexxejja tad-dinja waqt diskors importanti lin-Nazzjonijiet Uniti fi New York, fejn enfasizza ‘d-dritt tal-umanità li tgawdi l-ambjent’.

Il-Kap tal-Kattoliċi, li l-bieraħ sar l-ewwel Papa li indirizza l-Kungress ta’ Washington, ħeġġeġ lill-mexxejja tan-NU biex jirrispettaw dan id-dritt waqt li jieħdu azzjoni effettiva li tħares u tipproteġi l-ambjent.

Fi New York, il-Papa sejjaħ ukoll biex l-aġenziji finanzjarji ma jimponux ‘sistemi tas-self oppressivi’ għall-pajjiżi li jistgħu jservu biex ikattru l-faqar. Sadanittant, il-Papa wera li hu sodisfatt dwar l-aħħar ftehim nukleari tal-potenzi tad-dinja mal-Iran u qal li ‘dan jirrifletti l-potenzjal tar-rieda tajba fuq aspett politiku.’

Il-Papa, li qabel ingħata merħba mis-Segretarju-Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, kellem ukoll lill-istaff tal-Organizzazzjoni Internazzjonali fejn faħħar ir-rwol tagħhom bħala wieħed importanti ferm u rringrazzjahom għal dak kollu li qed jagħmlu.

Wara d-diskors lin-NU, il-Papa mar fis-sit tal-monument (fi New York) għall-vittmi tal-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Settembru tal-2001. Aktar tard il-lejla, hu jiċċelebra quddiesa għal eluf ta’ persuni ta’ twemmin reliġjuż differenti, f’Madison Square Garden. Il-Papa Franġisku anki għandu jżur skola għat-tfal Kattoliċi f’East Harlem, distrett ta’ New York, fejn il-maġġoranza tar-residenti huma Ispaniċi.

Ladarba jikkonkludi l-impenji fi New York, il-Papa jivvjaġġa lejn Philadelphia, li hi l-akbar belt fl-Istat ta’ Pennsylvania, fejn jagħmel diskors quddiem is-Sala tal-Indipendenza u jiċċelebra quddiesa oħra waqt rally għall-familji Kattoliċi.