Futbol Sport

Inizjattiva ġdida tal-MFA

Waqt il-Kunsill tal-MFA li sar ilbieraħ il-President Norman Darmanin Demajo ħabbar li minn tmiem din il-ġimgħa sal-aħħar tal-istaġun se tkun introdotta l-‘Family and Football Nursery Stand’ li se tkun fiz-zona tal-grawnd nazzjonali fejn joqgħodu l-partitarji ta’ Birkirkara fil-Millenium Stand. Din se ssir biex tħajjar u tressaq spettaturi ġodda lejn il-logħba tal-futbol lokali.

Millennium F se tinfetaħ għall-partiti kollha fl-Istadium Nazzjonali u dan biex aktar familji u tfal igawdu minn inizjattiva li tressaqhom aktar lejn il-logħba tal-futbol. Is-settur se jkun miftuħ għall-familji newtrali flimkien mat-tfal tagħhom u għall-gruppi organizzati ta’ tfal taħt it-12-il sena li jkunu jridu jsegwu l-partiti mill-ogħla livell tal-futbol Malti.

Il-prezz ta’ Millennium F se jkun wieħed imraħħas b’50% u b’hekk l-adulti jew anzjani akkumpanjati minn tfal ta’ taħt it-12-il sena jistgħu jidħlu fis-settur għall-prezz ta’ €3.50 l-adulti, l-anzjanib’ €2 u tfal taħt it-12-il sena jħallsu €0.50. Adulti mhux fil-preżenza tat-tfal jistgħu joqgħodu f’dan is-settur newtrali fejn id-dħul ikun bi prezz normali. Dawk in-nurseries li jorganizzaw grupp ta’ 20 plejer u amministratur magħhom se jiddaħħlu b’xejn fl-istess settur tal-Istadium, waqt li fl-istess parti se jkun hemm aċċess għal dawk kollha li jagħmlu użu mis-siġġu tar-roti.

Iridu jaħdmu biex aktar nies imorru l-grawnd
Dione Borg, Membru tal-Kunsill f’isem Floriana FC, ippropona li l-MFA u l-klabbs, speċjalment tal-Kampjonat BOV Premier, għandhom joħolqu ‘Working Groups’ biex jaraw x’jista’ jsir biex aktar nies imorru l-grawnd.
Minn naħa tiegħu Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali tal-MFA, fakkar li l-MFA diġa’ ħolqot Kumitat f’dan ir-rigward magħmul minn Presidenti u amministraturi fi ħdan il-klabbs tal-futbol bil-għan li matul is-sena jikkonkludu fuq proposti għall-‘business plan’ relatat mal-Kampjonat BOV Premier u li t-tieni laqgħa tiegħu se ssir lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar.

Tibdil fil-programm tal-partiti
Bjorn Vassallo qal li ġie nnotifikat mill-Pulizija ta’ Malta li fil-jiem li minħabba li f’pajjiżna se jsir iċ-CHOGM u avveniment ieħor statali, se jkollu jsir tibdil fil-programm tal-partiti. Dan minħabba l-fatt li l-futbol Malti jkollu bżonn il-pulizija fil-grawnds u mhux se jkun possibbli li dan iseħħ peress li l-pulizija se jkunu qegħdin jaħdmu fuq l-avvenimenti statali biss.

Platini jfaħħar lil Malta
Norman Darmanin Demajo, President tal-MFA temm billi qal li l-Assoċjazzjoni kellha organizazzjoni perfetta tat-TEP li sar f’pajjiżna ġimgħa ilu. Darmanin Demajo qal li tkellem ma’ Michel Platini, President tal-UEFA l-Franċiż faħħar l-organizazzjoni ta’ Malta u tal-MFA. Il-President tal-MFA faħħar lill-impjegati kollha tal-assoċjazzjoni għax-xogħol imprezzabbli li għamlu u qal li affarijiet bħal dawn jagħmluh aktar kburi li hu Malti.