Aktar ma jgħaddi ż-żmien, is-servizz tat-trasport pubbliku taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru Joe Mizzi sejjer mill-ħażin għall-agħar.
Ix-xufiera tal-karozzi tal-linja u l-poplu qed ibatu minħabba l-inkompetenza tal-Ministru Mizzi u tal-Prim Ministru Muscat, li kienu wegħdu lill-poplu li għandhom roadmap, anke fejn jidħol is-servizz tat-trasport pubbliku.
Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, f’isem ix-Shadow Minister għat-Trasport Marthese Portelli, li sostna li hu inaċċettabli li l-mismanagement li hemm fis-servizz tat-trasport pubbliku jridu jagħmlu tajjeb għalih ix-xufiera billi jiġu mposti fuqhom pagi baxxi u kundizzjonijiet tax-xogħol inaċċetabbli.
Dan qed ikun ta’ detriment għal saħħithom u għas-sigurtà tagħhom u tal-passiġġieri, kompla jgħid il-Partit Nazzjonalista. Barra minhekk, hu inaċċettabli wkoll li sal-lum ħadd ma jaf x’fih il-kuntratt li l-Ministru Mizzi ffirma mal-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon.
Għaldaqstant, l-Oppożizzjoni qed tappella lill-Gvern biex jieqaf mill-propoganda qarrieqa li qed jagħmel minn flus il-poplu, ixammar il-kmiem u jibda jwettaq dak li wiegħed, filwaqt li jifhem il-karba tal-ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur li qed iħossuhom użati u mormija mill-Prim Ministru Muscat.
//= $special ?>