Ambjent Lokali

“L-aġenda ambjentali tal-Gvern s’issa kienet fl-aktar livell baxx possibbli” – Nature Trust issejjaħ għal baġit favur l-ambjent

L-NGO ambjentali Nature Trust (Malta) qed issejjaħ lill-Gvern biex fil-vot tal-Baġit 2016 ipoġġi l-aġenda ambjentali fuq quddiem.

Skont in-Nature Trust, baġits li tressqu fl-aħħar snin ma indirizzawx kif suppost il-kwistjoni tal-ħarsien tal-biodiversità u l-abitat. Ftit li xejn kien hemm finanzjament għal siti klassifikati bħala Natura 2000 u l-uniku ħidma li saret f’dan ir-rigward kienet mill-NGOs. Minkejja li l-MEPA kisbet fondi Ewropej biex tħejji pjani ta’ immaniġġjar ta’ dawn is-siti fil-gżejjer Maltin, dawn ilhom madwar ħames snin jistennew l-approvazzjoni.

“Apparti minn hekk, meta jiġu approvati – nittamaw fil-futur qrib – iridu jiġu allokati fondi għalihom biex jiġu implimentati u dawn is-siti verament ikunu jistgħu jiġu mħarsa u konservati” qalet in-Nature Trust.

L-għaqda ambjentali qalet li tħoss li donnhom l-awtoritajiet qed jittamaw li l-NGOs jippruvaw jiksbu fondi tal-UE biex jipproteġu dawn is-siti aktar milli jgħinu huma fil-konservazzjoni, kif wara kollox hu d-dmir tagħhom.

Għaldaqstant, l-NGO ħeġġet lill-Ministru tal-Finanzi u lil dak tal-Ambjent biex fil-baġit li ġej jiġi allokat vot finanzjarju adegwat għall-immaniġġjar tas-siti kollha Natura 2000 u għar-riċerka li hemm bżonn issir biex jitwaqqfu Zoni Marittimi protetti li jkunu ta’ benefiċċju għall-ekonomija u għas-soċjetà.

Ħeġġet ukoll lill-Gvern biex jimpenja ruħu favur l-ambjent “għax s’issa l-aġenda ambjentali kienet fl-aktar livell baxx possibbli, b’applikazzjonijiet għal żvilupp fuq ODZ saru l-ordni tal-ġurnata u bil-politika ambjentali titbiegħed ferm mill-kunċett ta’ żvilupp sostenibbli”.