L-Iran u pajjiżi oħra ħarġu jikkritikaw lill-Arabja Sawdija wara t-traġedja talbieraħ li swiet il-ħajja ta’ 717-il Musulman qrib il-belt qaddisa ta’ Mekka, waqt il-pellegrinaġġ tal-Hajj.
Il-Musulmani mietu mgħaffġin fir-rassa meta maż-żewġ miljun devot kienu qed jieħdu sehem f’ritwal tradizzjonali fl-inħawi ta’ Mina. Mijiet oħra spiċċaw midruba wara li żewġ gruppi kbar ta’ devoti daħlu fuq xulxin fiz-zona tal-Kolonni ta’ Jamarat. Hemmhekk isir l-aħħar ritwal tal-Hajj fejn id-devoti Musulmani jwaddbu l-ġebel lejn il-kolonni bl-iskop li ‘jkeċċu lix-xitan’
Sadanittant, il-Kunsill tas-Sigurtà Suprem tal-Iran akkuża lis-Sawdi dwar inkompetenza u ħeġġiġhom biex jaċċettaw ir-responsabbiltà għall-imwiet. L-Iran, li tilef ammont ta’ ċittadini fir-rassa, iddikjara tlett ijiem luttu konsegwenza tat-traġedja li kienet l-akbar waħda konnessa mal-Hajj għal dawn l-aħħar 25 sena.
Fl-istess ħin, in-Niġerja mhix taċċetta r-rimarki tal-Ministru tas-Saħħa Sawdi li waħħal fid-devoti Musulmani talli ma obdewx l-istruzzjonijiet.
Intant, ir-Re Salman tal-Arabja Sawdija ħareġ direttivi għal reviżjoni tas-sigurtà għal waqt il-pellegrinaġġ tal-Hajj.
//= $special ?>