Lokali

L-MUT tilqa’ d-deċiżjoni malajr mill-Qorti u tawgura li każijiet simili jiġu konklużi f’qasir żmien

L-MUT laqgħet id-deċiżjoni meħuda malajr mill-Qorti li lbieraħ ħelset minn kull akkuża lil Assistent Kap ta’ skola li kien qed jiġi akkużat b’abbuż ta’ tfal.

L-MUT uriet l-apprezzament tagħha li l-Qorti ttrattat il-każ u waslet għall-konklużjoni tagħha mingħajr dewmien u uriet it-tama tagħha li issa l-ġustizzja tieħu l-kors tagħha u taġixxi fuq il-persuni responsabbli mill-allegazzjonijiet bla bażi.

Sostniet li hekk biss jistgħu allegazzjonijiet frivoli ma jsirux bla bżonn.

Fl-istess ħin, l-MUT appellat biex każijiet simili jingħataw attenzjoni mingħajr dewmien, b’mod partikolari għal każ f’Għawdex li ilu għaddej għal iktar minn 4 snin.

Waqt li rringrazzjat lill-Pulizija għall-kjarifika tal-metodoloġija użata f’dawn il-każijiet, appellat biex dak li wieħed tgħallem minn dan il-każ, jinżamm f’moħħ min se jitratta każijiet li hemm bħalissa u oħrajn fil-futur.