In-Nazzjonijiet Uniti wissiet li l-movimenti tar-refuġjati Sirjani u Iraqqin lejn l-Ewropa – fejn sar magħruf li qed jaqsmu medja ta’ 8,000 kuljum – għandhom ikomplu tul ix-xitwa f’każ li t-temp jippermetti u l-Istati Ewropej jiftħu l-fruntieri tagħhom.
L-aħħar statistika dwar ir-refuġjati pprovdiha Amin Awad, il-koordinatur reġjonali tan-NU għar-refuġjati, bl-International Organization for Migration (IOM) tbassar li l-influss tal-immigranti lejn l-Ewropa mhix se tbatti fil-ġimgħat li ġejjin. Dan meta fil-Greċja qed jaslu (ukoll) ‘il fuq minn 5,000 immigrant kuljum.
Il-parti kbira tal-immigranti ġejjin mis-Sirja u bnadi oħra tal-Lvant Nofsani, bin-NU tistenna li għaxar miljun Iraqi se jeħtieġu għajnuna umanitarja sal-aħħar ta’ din is-sena.
Il-kriżi tal-immigranti anki intensifikat tul il-fruntiera tas-Serbja mal-Kroazja, fejn ħafna vetturi m’humiex jitħallew jaqsmu fost l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet. It-tilwima bejn Belgrad u Zagreb ħraxet wara li l-Ungerija tellgħet ħajt mal-fruntiera mas-Serbja, bil-konsegwenza li mewġa ta’ immigranti daħlu fit-territorji Kroati.
Il-Kroazja ċaħdet rapporti li ċittadini Serbi individwali qed ikunu pprojbiti milli jidħlu f’artha u sostniet li, f’xi każi, kein hemm biss ‘problemi bil-passaporti’. Iżda s-Serbja kkundannat lill-Kroazja dwar restrizzjonijiet mal-fruntieri ‘li jitqabblu biss mal-miżuri tal-eks reġim faxxista Kroat ta’ żmien it-Tieni Gwerra’.
Il-Kummissarju tal-UE għall-European Neighbourhood Policy, Johannes Hahn, u l-Prim Ministru Serb Aleksandar Vucic żaru kamp tal-immigranti qrib il-fruntiera tas-Serbja mal-Kroazja.
Fi żviluppi oħra, il-Gvern federali Ġermaniż impenja erba’ biljun ewro lill-Istati reġjonali ta’ pajjiżu għall-kontroll aħjar tal-ammonti rekord tal-immigranti fil-Ġermanja.
Il-fondi mwiegħda huma d-doppju tal-finanzjament attwali għal dawn is-sitwazzjonijiet, bl-awtoritajiet f’Berlin jgħidu li se jħallsu 670 ewro fix-xahar għal kull refuġjat li jidħol fil-pajjiż bit-tama li jsib kenn politiku. Il-flus, fost oħrajn, se jgħinu jipprovdu housing soċjali u kura għar-refuġjati żgħar u żgħażagħ li qed jivvjaġġaw waħedhom.
Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel kellha taħditiet mas-16 il-Gvernatur tal-Istat Ġermaniżi u wara spjegat li l-Albanija, il-Kosovo u Montenegro se jkunu ddikjarati bħala pajjiżi ta’ oriġini u ta’ sigurtà għall-barranin li qed jaħarbu mill-periklu. Dan bl-iskop li tonqos il-mewġa tal-immigranti li qed jivvjaġġjaw mill-pajjiżi lejn il-Ġermanja.
//= $special ?>