Futbol Sport

Sepp Blatter se jkollu jaffaċċja proċeduri kriminali

Il-President tal-FIFA Sepp Blatter se jkollu jaffaċċja proċeduri kriminali wara li qed ikun akkużat mill-prosekuturi Żvizzeri b’irregolaritajiet li għandhom x’jaqsmu ma’ pagamenti li ta lill-Unjoni tal-Futbol fil-Karribew (CFU) u lill-President tal-UEFA Michel Platini.

Din hi bla dubju l-akbar daqqa ta’ ħarta għall-FIFA li ilha madwar sena taffaċċja skandlu wara l-ieħor u issa proprju l-President tagħha qed ikun allegat b’korruzzjoni. L-aħbar ħarġet ilbieraħ waranofsinhar ftit wara li l-FIFA kienet għada kemm ikkanċellat konferenza tal-aħbarijiet li waqtha Blatter kien se jikkonferma d-dati tat-Tazza tad-Dinja tal-2022 li se ssir fil-Qatar.

Fl-istqarrija tal-prosekuturi Żvizzeri jingħid li Blatter, fit-12 ta’ Settembru tal-2005 kien iffirma kuntratt mal-Unjin tal-Futbol fil-Karribew li ma kienx suppost ikun iffirmat u qed ikun akkużat anke li għamel ħlas ta’ 1.34 miljun lira sterlina lil Platini mill-kont bankarju tal-FIFA. Dejjem skont il-prosekuturi dan il-ħlas sar fi Frar tal-2011 għal xogħol li kien għamel Platini bejn Jannar tal-1999 u Ġunju tal-2002 meta dakinar il-Franċiż kien ‘konsulent speċjali’ ta’ Blatter.

Ta min jinnota wkoll li meta Blatter iffirma l-kuntratt li qed jissemma mas-CFU, il-President tal-Unjin kien proprju Jack Warner, il-persuna li fil-passat kien jokkupa l-kariga ta’ Viċi President tal-FIFA u President tal- CONCACAF li kien allegatament aċċetta s-somma ta’ madwar 10 miljun dollaru biex ivvota lill-Afrika t’Isfel fl-għażla tal-pajjiż li kellu jorganizza t-Tazza tad-Dinja tal-2010. Eventwalment kien l-Afrika t’Isfel li ġiet magħżula biex torganizza l-edizzjoni. Fl-2011 Warner kien irriżenja minn kull attività relatata mal-futbol.

Ta min jiftakar ukoll li Blatter, f’Mejju li għadda kien re-elett bħala President tal-FIFA imma jiem wara hu stess kien ħabbar li se jirriżenja mill-kariga u fis-26 ta’ Frar tas-sena li ġejja għandha ssir elezzjoni Presidenzjali biex ikun magħżul is-suċċessur tiegħu. Ironikament, Platini, li qed jissemma fl-investigazzjoni li qed jagħmel l-Avukat Ġenerali Żvizzeru, hu wieħed mill-kandidati għall-elezzjoni u hu fil-fatt l-akbar favorit li jirbaħ din l-elezzjoni. Blatter ilu President tal-FIFA sa mill-1998.

L-investigazzjonijiet talbieraħ bdew wara li l-prosekuturi fittxu dokumenti fl-uffiċju u d-dar ta’ Blatter fl-Iżvizzera. Ftit minuti qabel kienet għada kemm ġiet fi tmiemha laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-FIFA fil-belt ta’ Zurich.