Il-Qorti Kriminali ħelset minn kull akkuża lil tfajla ta’ 26 sena li kienet qed tirriskja li titlef il-liċenzja tagħha tas-sewqan wara li kienet akkużata li, bi traskuraġni, ikkaġunat feriti gravi fuq anzjana.
Il-każ seħħ fis-27 ta’ Ġunju tal-2012 fi Triq il-Kbira f’Ħaż-Żabbar meta t-tfajla kienet ipparkjat b’mod temporanju biex tixtri xi ħaġa minn ħanut. Hi u tirriversja l-karozza tagħha, minn fejn kienet ipparkjata biex toħroġ lura fit-triq, laqtet lill-anzjana li kienet ħierġa minn triq dejqa fejn tgħix, biex taqsam għat-triq prinċipali.
Mix-xhieda taż-żewġ nisa fil-Qorti, ħareġ li t-tfajla tat l-ewwel għajnuna lill-anzjana, li baqgħet dejjem f’sensiha, u li ma riditx li teħodha l-isptar jew iċċempel ambulanza. Ħareġ ukoll li ma kien sar ebda rapport lill-Pulizija, li saret taf bl-inċident mill-isptar. It-tfajla kienet marret tagħmel rapport l-għassa, jumejn wara li kien seħħ l-inċident.
Mill-Qorti wkoll ħareġ li t-tfajla kkaġunatilha ksur fi spallitha u fil-ġemb tagħha u minħabba f’hekk, l-anzjana spiċċat tiddependi fuq bintha għax-xogħol tad-dar, għax-xiri u biex tinħasel u kellha wkoll tuża siġġu tar-roti. L-espert tal-Qorti kkonkluda li xi feriti huma ta’ natura permanenti minħabba l-età tal-anzjana meta seħħ l-inċident.
Il-każ kien intbagħat lill-Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali mill-Avukat Ġenerali.
Madankollu, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, sostniet li waqt li s-sewwieq u min ikun miexi fit-triq it-tnejn għandhom dmirijiet, mill-provi mressqa mill-Prosekuzzjoni, ma ġietx konvinta li tista’ tiddikjara l-ħtija tal-imputatata skont il-liġi.
Il-Qorti qalet li minħabba żewġ verżjonjiet kunfliġġenti, baqgħet b’dubju dwar min effettivament ikkaġuna l-inċident, hux it-tfajla li rriversjat il-vettura u laqtet lil persuna li kienet qed taqsam, jew l-anzjana li kienet ħierġa minn triq sekondarja mingħajr ma rat jekk kinitx ġejja xi vettura anke jekk kienet din ir-rutina tagħha ta’ kuljum. Għalhekk il-Qorti ħelset lit-tfajla minn kull akkuża.
//= $special ?>
