Lokali

Theddid mill-Malta Public Transport

Jekk ċertu xufiera ma jirrapurtawx għax-xogħol, jistgħu jitkeċċew mill-Malta Public Transport. Din hija t-theddida li għamlet il-kumpanija lil numru ta’ xufiera li illum ħarġu jipprotestaw.

Roderick Bajada, il-Kap tar-Riżorsi Umani fil-Malta Public Transport, għadda ittra lix-xufiera fejn qed jgħid illi qed jikkwota partijiet mil-liġi li tobbliga lix-xufiera jaħdmu.

Fl-ittra jingħad illi dawk li irċievew din il-korrispondenza huma uħud minn dawk identifikati biex joffru servizz ridott tat-trasport pubbliku. “Jekk int ma tirrappurtax għax-xogħol jistgħu jittieħdu passi dixxiplinarji kontrik, u saħansitra titkeċċa mill-post tax-xogħol”, jikteb il-Kap tar-Riżorsi Umani.

Fi tweġiba bħala dritt għar-risposta, il-Malta Public Transport qalet li la l-kumpanija u l-anqas il-Kap tar-Riżorsi Umani ma’ heddew bl-ebda mod u fl-ebda okkażjoni lill-ħaddiema ta’ l-istess Kumpanija. L-ittra li saret referenza għalija kienet tinkludi informazzjoni lill-ħaddiema kif dejjem isir f’dawn il-każijiet. Il-Malta Public Transport qalet li dak li nkiteb fl-ittra mibgħuta lill-ħaddiema, ġie ikkonfermat wara nofs in-nhar mill-Qrati ta’ Malta fejn l-istess Qorti obligat lill-Union Ħaddiema Magħqudin u lill-General Workers Union biex iħallu lill-Kumpanija toffri servizz minimu ta’ ħamsin fil-mija.