Lokali

F’erbat ijiem iktar minn mitt elf jaraw il-filmat tal-Kap tal-PN f’Car Free Day

Fi żmien erbat ijiem, aktar minn mitt elf persuna raw il-filmat li fih il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jidher imur ix-xogħol mid-dar tiegħu f’Ħal-Lija sad-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà bir-rota.

Il-filmat sar nhar it-22 ta’ Settembru meta kienet qed titfakkar il-ġurnata internazzjonali mingħajr karozzi, Car Free Day bil-għan li jkun promoss l-ambjent bin-nuqqas ta’ użu ta’ karozzi.

L-idea ta’ Simon Busuttil kienet li jħeġġeġ aktar persuni jegħlbu l-problema tat-traffiku, iżommu ruħhom f’saħħithom, filwaqt li jgħinu fit-tnaqqis tat-tniġġis fl-arja grazzi għal mezzi oħra tat-trasport.

Intant il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għada l-Ħadd mistenni jipparteċipa fit-tieni edizzjoni tal-attività ‘Walk Cycle Run’ b’risq id-Dar tal-Providenza.

F’din l-attività Simon Busuttil se jkun qed isuq ir-rota mill-Imdina sad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi bil-għan li jinġabru flus għad-Dar tal-Providenza f’għeluq il-50 sena mit-twaqqif tagħha.

Fl-attività ‘Walk Cycle Run’ diversi personalitajiet Maltin se jkunu qed jimxu mis-Siġġiewi, jiġru miż-Żurrieq, isuqu r-rota mill-Imdina jew isuqu l-muturi mil-Luxol Grounds f’Pembroke sad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi.