Il-Papa Franġisku jinsab fil-belt ta’ Philadelphia għall-aħħar fażi tal-vjaġġ fl-Istati Uniti u fejn għada jikkonkludi din il-mawra b’quddiesa għal mijiet tal-eluf tad-devoti barra l-Philadelphia Art Museum.
Il-Kap tal-Knisja qed jinsisti dwar l-għażla ħielsa tar-reliġjon bħala tema prinċipali oħra taż-żjara u għandu programm impenjattiv ħafna f’Philadelphia fejn, fost oħrajn, se jmexxi rally importanti għall-immigranti.
Il-Papa, issa, għadu kemm qaddes quddiesa fil-Bażilika ddedikata lil San Pietru u San Pawl u, ‘il quddiem, jattendi servizz ta’ talb waqt il-World Meeting of Families, li hu kungress ewlieni li jippromwovi l-valuri tal-familja.
Il-Papa Franġisku, li f’dawn il-jiem għamel diskors storiku lill-Kungress ta’ Washington filwaqt li indirizza lill-Mexxejja tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, diġà kkundanna l-persekuzzjoni tal-Kristjani u l-membri ta’ minoranzi reliġjużi oħra fil-Lvant Nofsani.
Il-Papa Franġisku, fil-lejl tal-Ġimgħa u s-Sibt, ikkonkluda ż-żjara fi New York b’sessjoni ta’ talb fi Ground Zero, is-sit tal-monument iddedikat lil dawk kollha li tilfu ħajjithom fl-attakki terroristiċi storiċi tal-11 ta’ Settembru tal-2001 kontra l-Istati Uniti.
Hu ingħata merħba sabiħa minn xi 80,000 persuna li ħarġu jilqgħuh waqt li kien għaddej b’karozza minn Central Park, bil-Papa, imbagħad, jiċċelebra quddiesa għal eluf ta’ devoti fis-sports arena ta’ Central Park.
Sadanittant, l-aċċessi fin-naħa t’isfel ta’ Philadelphia ingħalqu għal waqt iż-żjara tal-Papa fost miżuri tas-sigurtà u meta l-movimenti tal-pubbliku u t-traffiku huma limitati.
//= $special ?>