Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jrid jerġa’ jirbaħ il-fiduċja tal-poplu bl-onestà – Rosette Thake

Il-Partit Nazzjonalista irid jerga jirbaħ il-fiduċja tal-poplu bl-onesta’ u qed jagħmel dan minn issa.

Sostniet dan Rosette Thake, is-Segretarju Ġenerali tal-PN f’intervista waqt il-programm Għandi Xi ngħid fuq Radju Malta.

Rosette Thake qalet li fl-aħħar ta’ din is-sena, il-Partit Nazzjonalista se jippreżenta pakkett ta’ proposti dwar il-governanza għaqlija u mhux se jistenna l-elezzjoni ġenerali. Il-Partit Nazzjonalista se jkompli joħroġ iktar proposti li eventwalment ikunu inklużi fid-dokument finali ta’ proposti.

Hi kompliet li l-Gvern Laburista irriduċa il-kliem meritokrazija u trasparenza għal ċajta meta wiegħed governanza aħjar u minflok, qed jagħmel eżatt bil-kontra.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista qalet li n-nies qed jitilfu l-fiduċja fil-politika u fil-politiċi u jridu jkunu l-partiti u l-politiċi li jirbħu lura din il-fiduċja. Hi qalet li min-naħa tiegħu, il-PN ħadem fil-prattika b’tibdiliet fl-Istatut u ħolqien ta’ strutturi ġodda għal dik il-mira speċifika li jirbaħ mill-ġdid il-fiduċja tan-nies.

Dwar il-politika u l-ideoloġija, Rosette Thake qalet li żmien it-tikketti ideoloġiċi spiċċa. Dan jidher kif il-partiti ewlenin jersqu lejn iċ-ċentru u dan b’reazzjoni għall-bidliet li għaddejja minnhom is-soċjeta’. Id-differenzi l-kbar bejn il-partiti politiċi llum m’għadhiex fil-fehmiet bażiċi iżda fuq il-kif, se jintlaħqu l-għanijiet prinċipali.