Fi stqarrija, l-Partit Nazzjonalista feraħ lit-tim għal dan is-suċċess u fl-istess waqt talab biex quddiem dan ir-riżultat storiku, jittieħdu tliet deċiżjonijiet mill-awtoritajiet tal-pajjiż. Ikun tajjeb li tiġi studjata l-possibilita’ li l-plejers tat-tim, minn issa sal-Kampjonati Ewropej, jitħarrġu b’mod full-time, b’tali mod li fil-budget li jmiss jitwaqqaf fond apposta li jneħħi l-piż minn fuq min iħaddimhom.
Il-PN jemmen ukoll li tkun idea tajba li l-istazzjon nazzjonali jixtri d-dritt li jxandar il-logħob kollu ta’ Malta f’dawn il-Kampjonati u tkun idea tajba wkoll li jsiru arranġamenti speċjali biex kemm jista’ jkun partitarji Maltin imorru Belgrad u jappoġġjaw mill-viċin lill-benjamini tagħhom fl-ogħla livell ta’ kompetizzjoni fl-Ewropa. Il-Partit Nazzjonalista hu lest li jaħdem mill-viċin mal-Gvern biex dawn it-tliet suġġerimenti jsiru mingħajr intoppi. Ir-riżultat tal-lum huwa konferma ta’ kemm il-poplu tagħna huwa mimli talent u li bi ftit aktar investiment, kapaċi nġibu riżultati aqwa.
//= $special ?>